Wara l-elezzjoni tal-Erbgħa tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, l-MŻPN, iż-żgħażagħ favur Simon Busutill żammew il-maġġoranza tal-membri fl-eżekuttiv f’din il-fergħa taż-żgħażagħ Nazzjonalisti.
Dan hekk kif Joe Grech żamm postu bħala President tal-fergħa Nazzjonalista, minkejja li ġab mitt vot inqas mill-Kunsillier Nazzjonalista tal-Mellieħa, Gabriel Micallef.
F’din l-elezzjoni, Gabriel Micallef, li huwa mill-fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia, ġab l-aktar voti, b’sebgħa u sebgħin fil-mija tal-voti. Minkejja dan l-ammont kollu ta’ voti, l-amministrazzjoni l-ġdida, għażlet lil Joe Grech bħala President, u lil Gabriel Micallef ingħata l-irwol ta’ Assistent Segretarju Ġenerali tal-MŻPN.
ONE News jinsab infurmat li waqt din l-ewwel laqgħa tal-eżekuttiv tal-MŻPN, ftit wara l-elezzjoni, Gabriel Micallef pretenda bi dritt li jsir hu l-President u kif twarrab, qajjem paniku u ried jirriżenja minnufih. Kien biss b’intervent ta’ diversi nies li baqa’ ma tefax ir-riżenja tiegħu.
Għal din l-elezzjoni, kienu eleġibbli li jivvutaw it-tesserati Nazzjonalisti li għandhom bejn id-19 u t-30 sena, iżda kien hemm nuqqas ta’ interess, hekk kif ivvutaw biss tliet mitt persuna.
L-elezzjoni tal-Erbgħa saret sena wara minn meta kellha sseħħ, hekk kif it-terminu tal-eżekuttiv tal-MŻPN kien sa Novembru sas-sena l-oħra.
Kien ONE News li din il-ġimgħa rrapporta kif l-Eżekuttiv tal-MŻPN, li kien ħaġa waħda mal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tawwal iż-żmien biex issir din l-elezzjoni, sabiex f’dan iż-żmien isibu n-nies viċin tagħhom u jgħaqqdu bl-eżatt il-15-il persuna, biex b’hekk ma ssirx elezzjoni. L-Eżekuttiv tal-MŻPN tella’ l-lista tal-persuni li ħerġin għall-elezzjoni, jumejn biss qabel l-elezzjoni.
Iżda dan l-attentat li ma ssirx elezzjoni ma rnexxiex, hekk kif żgħażagħ mill-fazzjoni ta’ Delia sfidaw dan u ħarġu diversi żgħażagħ, li huma tal-fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista, Adrian Delia. Wieħed minn dawn kien l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-MŻPN Gabriel Micallef, li tefa’ n-nominazzjoni fl-aħħar minuta.
Wara dan ir-riżultat, diversi persuni marru fuq il-midja soċjali sabiex juru l-għadab tagħhom. Persuna qalet kif kollox kien maħdum bizzilla, hekk kif min ġab l-aktar voti ma laħaqx President.