Irridu nirrikonoxxu li Adrian Delia huwa imperatur għarwien li mhux kredibbli. Dan sostnewh Emvin Bartolo, Kevin Wain u Miriam Zammit, tliet membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u ħbieb tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
F’artiklu fuq The Times, ġurnata wara li x-xandara Nazzjonalista qrib ħafna ta’ Adrian Delia indirizzat lin-nies ta’ Busuttil bħala l-Barra Brigade dawn it-tliet persuni qalu li Adrian Delia mhux denju li jkun Kap għax ta’ spiss jispara f’saqajh.
Huma ddikjaraw li Adrian Delia m’huwiex politikant għax m’għandux awtorità morali, mhux bniedem serju u ma jafx jaħsem b’mod strateġiku.
Huma kkritikaw ukoll id-deċiżjoni ta’ Adrian Delia meta sena ilu meta wara li l-inkjesta Egrant ikkonkludiet li kien sar frame up fil-konfront tal-Prim Ministru u familtu huwa kien ssospenda lil Simon Busuttil, wara li kien kkonfermat li l-eks kap kien rikeb fuq gidba.
Dawn it-tliet persuni qrib Busuttil qalu li stħaw b’din id-deċiżjoni ta’ Adrian Delia għax kawża tagħha kien waqqa’ kliem Simon Busuttil meta f’mass meeting fuq il-fossos kien talab għar-riżenja tal-Prim Ministru. Huma qabblu d-deċiżjoni ta’ Delia dwar is-sospensjoni ta’ Busuttil ma daqqa ta’ sejf fl-istonku tal-PN.
Il-ħbieb ta’ Simon Busuttil qalu wkoll li jekk xi darba Adrian Delia jitlob għar-riżenja ta’ xi ħadd, l-għajta tiegħu mistennija taqa’ fuq widnejn torox minħabba li skonthom għamel mażra m’għonq il-Partit li taħt il-kmand tiegħu spiċċa inefettiv.