Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ser ikun qed iqassam €2,500 lill-Kumitati sezzjonali kollha tal-Partit Nazzjonalista.
Żvelaw dan is-sorsi ta’ ONE News hekk kif għaddewlna messaġġi mibgħuta mill-Viċi Kap innifsu lill-Kumitati Sezzjonali fuq Whatsapp.
Messaġġi li kkonfermahom ukoll it-Tnejn filgħaxija Arrigo stess fuq programm fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Skont Arrigo l-Kumitati sezzjonali ser jingħataw dawn il-flus sabiex isir xogħol ta’ tisbiħ fuq il-każini kollha.
Arrigo qal li r-raġuni wara din l-għotja ġeneruża hija li l-każini tal-Partit Nazzjonalista għandhom ikollhom libsa ġdida għall-birthday party tal-Partit hekk kif daqt jagħlaq il-140 sena mit-twaqqif tiegħu.
Huwa qal: “Iva nistgħu nagħmlu xi ħaġa, għandna ftit ideat biex nagħmlu, biex insebbħu, u biex nuru n-nies ukoll li aħna nistgħu bħalma għidtilhom libsa ġdida għall-birthday party.”
Madankollu sorsi oħra ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali u li huma qrib il-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, li bħalissa qed timbotta lil Bernard Grech bħala ż-żiemel tagħha fit-tellieqa għall-Kap, esprimew ir-rabja tagħhom hekk kif qalulna li din l-għotja mill-id il-leminija ta’ Delia hija biss mezz ta’ kif jinxtraw il-voti għall-elezzjoni tal-Kap.
“Qed iroxx il-bżar issa, lejlet elezzjoni għall-Kap tal-partit”, saħaq wieħed wara Bernard Grech.
Dikjarazzjoni oħra minn Arrigo li urtat mhux ftit lill-fazzjoni ta’ kontra Delia kienet dik li permezz tal-iskema sigrieta taċ-ċedoli, li tgħaddi baxx baxx minn taħt il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti u li minnha l-Partit Nazzjonalista daħħal kemxa flus tajba, il-ħaddiema tal-midja tal-Partit Nazzjonalista ser jingħataw żieda fl-aħħar tax-xahar.
Arrigo sostna: “Il-finanzi minn Jannar sa’ Ġunju ġbarna ħafna flus. Iċ-ċedoli kienu wkoll il-ġbir ta’ flus, ta’ fondi, il-programmi li għamilna. Kollox li għamilna kien suċċess. Kollox kollox.”
“Issa la hemm is-suċċess inthom ħa tkunu parti minnhom ukoll kif kontu parti minnhom meta kellna bżonn, ħa tkunu parti minnhom ukoll fl-aħħar ta’ dan ix-xahar biex nifirħu flimkien almenu.”