Wieħed mill-esponenti u li fil-kampanja qalila fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista li għaddiet ħadem b’ruħu u b’ġismu favur Bernard Grech qal li l-kisba storika tal-Ħelsien hija fake news manja.
Wayne Hewitt kiteb hekk fuq il-profil tiegħu fuq Facebook.
Hewitt huwa wieħed mill-esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li mhux darba jew tnejn attakka lil Kap ta’ qabel Bernard Grech, Adrian Delia, u meta Grech ħareġ kontra Delia, minkejja l-istejjer ikkonfermati li Grech ma kienx iħallas it-taxxa u l-VAT, baqa’ wara l-kandidat tal-fazzjoni Busuttil.
Hewitt kiteb ukoll li jum il-Ħelsien huwa jum li fih Mintoff falla milli jżomm l-Ingliżi f’Malta.
Saħaq li l-Perit Mintoff kien dawwarha li taparsi keċċa lill-Ingliżi wara li kien għamel minn kollox biex żammhom hawn.
Hewitt, illum ta’ Bernard Grech, saħansitra qal li sal-lum għad hemm min għadu jiblagħha.
Għal din il-kitba ta’ Hewitt ikkummenta Peppi Azzopardi li saħaq li hu qatt ma ċċelebra jum il-Ħelsien u dejjem għamel ħiltu li jkun xogħol.
Intant Wayne Hewitt mhux l-ewwel darba li spiċċa fl-aħbarijiet juża diskors deskritt bħala wieħed mimli firda.
Propju ftit jiem qabel il-Milied, żmien ta’ paċi u hena, Hewitt għajjar lin-nies ta’ Delia bħala erbat iqtates iżda għal dan id-diskors jista’ jkun sab il-barka tat-tmexxija Nazzjonalista hekk kif Bernard Grech għadu qatt ma ħareġ jikkundanna lil Hewitt.
Anki jekk kien hemm kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista li talbu lil Kap biex tal-inqas jiddistakka ruħu minn dak li fl-aħħar elezzjoni ġenerali, f’isem il-Partit Nazzjonalista, ma nġabarx u kiseb biss mal-mitejn vot fuq żewġ distretti.