Partitarji qrib Adrian Delia huma rrabjati minħabba li l-eks Kap, li tqaċċat minn postu mill-establishment tal-Partit Nazzjonalista biex minfloku jitpoġġa Bernard Grech, ma tħallix jindirizza l-protesta li l-Partit organizza fl-1 ta’ Mejju quddiem l-Isptar San Luqa.
Il-gazzetta KullĦadd illum tirrapporta li din ir-rabja kibret l-aktar għax kienet il-pressjoni tal-fazzjoni tad-deputat Beppe Fenech Adami li wasslet biex it-tmexxija tal-Partit tiddeċiedi li Delia ma jitkellimx.
Il-KullĦadd osservat li hu sigriet magħruf li Grech xejn mhu komdu li Delia qed jidher daqsu, speċjalment wara li stħarriġ tal-opinjoni pubblika wera li hu popolari daqsu jew, f’xi każijiet, saħansitra aktar minnu.
Fl-istess ħin, Grech ma kellu l-ebda għażla u fl-aħħar ġimgħat kellu jċedi għall-pressjoni ta’ Delia, li mhux lest li jitlaq minn idejh il-mertu fil-kawża ġudizzjarja dwar il-konċessjonijiet tal-isptarijiet lil Steward Healthcare.
Din id-darba, iżda, il-pressjoni ġiet mingħand dawk li Bernard Grech hu midjun magħhom, u għaldaqstant kellu jikkuntentahom ukoll. Fil-fatt, kienu dawk li lil Grech poġġewh fil-kariga li għamluha ċara li Delia m’għandux jidher aktar minnhom u għad-detriment tagħhom.
Fuq quddiem nett tagħmel dan l-argument kien hemm il-fazzjoni ta’ Beppe Fenech Adami, li, bħal Delia, jikkontesta fuq it-Tmien Distrett.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu li, wara d-deċiżjoni li Delia ma jitkellimx, deher ċar ħafna wkoll li l-Eks Kap m’għamel ebda sforz kbir biex jiġbed in-nies lejn l-attività, li finalment marret ħażin ħafna.
Biex jipprovaw ipaċu l-affari ma’ Delia, l-organizzaturi waħħlulu banner biex jgħidulu grazzi tal-ħidma li għamel fuq l-isptarijiet, iżda dan ukoll spiċċa ma kkuntenta lil ħadd: la lil ta’ Delia, li xtaqu liż-“żiemel” tagħhom fuq il-palk, u wisq inqas lil dawk ta’ kontrih.