Id-Deputat Karol Aquilina qiegħed ftit ftit jieħu over fil-Partit Nazzjonalista biex, għal darb’oħra, il-Kap Bernard Grech jerġa’ jinħakem mill-istess grupp ta’ nies li poġġewh fil-kariga.
Aquilina dan jagħmlu bl-għajnuna ta’ nies, bħal Beppe Fenech Adami, fejn qed jipprova li fil-Grupp Parlamentari jieħu post l-Eks Deputat Jason Azzopardi fejn jimponi lilu nnifsu u jmexxi l-kruċjati tiegħu fuq il-bqija tal-Oppożizzjoni.
Qed jiġi iżjed innotat kif Grech m’għandux għażla ħlief li jħallih, tant li Aquilina qed jingħata prominenza assoluta.
L-indikazzjonijiet huma li din l-istess prominenza żdiedet sew mal-mument li Aquilina ra li Joe Giglio qed jieħu ċertu spazju fil-Partit.
Kif inhu magħruf, dawn it-tnejn ma jarawx għajn m’għajn. Fost oħrajn Aquilina ma jistax iniżżilha li Giglio spiċċa tela’ minn fuq żewġ distretti, filwaqt li hu lanqas minn wieħed li ma kienx għall-elezzjoni każwali.
Sorsi fil-PN qalu li jidher ċar li biex jimponi ruħu u jikkontrolla l-Grupp Parlamentari, qed ikun hemm kordinament organizzat bejn l-istess Aquilina u ħuh Robert, li jmexxi l-għaqda Repubblika.
Ta’ Repubblika stess kienu attakkaw bl-aħrax lil Joe Giglio wara kummenti li għadda fuq ir-radju tal-Knisja.
Fuq kollox l-aħħar jiem u ġimgħat ġie nnotat kif ma kinitx l-ewwel darba li, f’temp ta’ ftit ħin, l-aħwa Aquilina joħorġu stqarrijiet fuq l-istess suġġett u bl-istess messaġġ permezz tal-entitajiet differenti li jagħmlu parti minnhom. L-aqwa li jkun attakat il-gvern.
Jilgħabha tan-“naive”, Karol Aquilina pprova jagħti x’jifhem li din hi biss kumbinazzjoni.
Meta mistoqsi dwar dan minn ONE News nhar il-Ġimgħa li għadda, hu qal li ma jkunx jaf x’jagħmel “ħaddieħor”.
“Jien noħroġ l-istqarrijiet li għandi noħroġ … x’jagħmel ħaddieħor jerfa’ r-responsabbiltà hu.
Din id-dikjarazzjoni ftit li xejn twemmnet mis-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali li qalu kif dan kollu hu konferma oħra li fil-Partit Nazzjonalista ma nbidel xejn.