Iltaqa’ mal-mewt tliet darbiet, imma daqstant drabi daħkitlu x-xorti.
Peppi Mangion, li ftit ġimgħat oħra jagħlaq disgħin sena, beda jaħdem in-nar tal-festa lura meta kellu sittax-il sena, u tul is-sebgħa u sittin sena li dam jaħdem in-nar, fi tliet okkażjonijiet helisha hafif.
Ħadna lura fl-elf disa’ mija u tmienja u ħamsin meta tnejn minn sħabu tilfu ħajjithom.
sieħbi kien qed jippakkja l-kulur barra – sparkjatu, ħarġet l-istilla u ġiet fil-bitħa tal-kamra fejn konna qegħdin. Għidtilhom ‘iġru iġru’ – u l-ieħor…ta’ warajja ma setax joħroġ kien oħxon, qabditu l-blata tal-bieb, miet. U kellna l-muturi wara tal-kamra, ma laqtitomx ġebla, u bil-mutur inżilna.
Fis-sena elf disa’ mija u sebgħin għadda mill-agħar esperjenza għalih, meta kien ġarrab ġrieħi serji ħafna.
Għidtlu xarrabha l-kargiera. Ma xarrabhiex , qabdet, qabbad lili u nxtwejt, u għamilt 3 xhur l-isptar, ħa mmut u ma mmutx.
Minkejja l-ġrieħi serji, qalbu baqgħet mal-kamra tan-nar. Ibnu Joseph irrakkontalna ġrajja meta missieru kien l-isptar minħabba n-nar.
Hin minnhom daħal il-professur Anglu Psaila. Qallu kif inti pepp? Qallu, xejn ejja ħa mmur l-għalqa, ħallik milli kif jien. Kien qed jirreferi li jmur il-kamra tan-nar, maħruq kif kien u xorta ried jitla’ l-kamra.
Peppi kien involut f’inċident ieħor fl-elfejn u disgħa, meta ra l-mewt ta’ kollega ieħor tiegħu.
Staqsejna lil Peppi għaliex, minkejja li ra dawn it-traġedji, u kien hu stess li kien fix-xifer li jitlef ħajtu, baqa’ jaħdem in-nar propju sa ħames snin ilu. Hawnhekk, minbarra l-imħabba għan-nar, spikkat id-devozzjoni għall-Madonna.
Għidtilha salvajtni, nibqa’ naħdem.
Qaluli gib il-madonna minn hemm gew u rringrazzjaha. Ghidtilha inti hallejtni haj, nibqa nahdem ghalik.
Peppi kien magħruf l-iktar għall-murtali tal-kulur. Staqsejnieh kif kien jagħmilhom.
Bir-riċetti hu dak per eżempju l-ħadra etc etc etc, tagħrbilhom flimkien, tagħġinhom, ixxarrabhom, u tippressahom bħal tappijiet. U mbagħad meta tinxef, tippakkjahom fl-iskartoċċ.
Spjegalna li wara x-xogħol kien jibqa’ sejjer il-kamra…dejjem hemm…u dejjem ħadem b’xejn, u dan ix-xogħol kien jaghmlu minn qalbu.
Għal madwar ħmistax-il sena refa’ wkoll fil-purċissjoni tal-festa, però n-nar baqa’ l-għeżeż għalih. Xi ħaġa li minħabba saħħtu waqaf jagħmel ħames snin ilu.
L-imħabba tiegħu għan-nar ħarġet meta staqsejnieh x’parir jagħti liż-żgħażagħ, konxju li s-sigurtà llum żdiedet ħafna.
B’nostalġija, Peppi wriena r-ritratti tas-sehem tiegħu fil-festa fl-imgħoddi, u bla dubju li n-nar ta’ din is-sena ta’ Santa Marija, se jkun qed jiflih sew.