Taqbeż daqs mullett minkejja li għandha tnejn u tmenin sena.
Din hija Gejtana Bugeja,
Ħamruniża minn ġuf ommha u li tal-età sabiħa tagħha tferraħ lil dawk iżgħar u anki ikbar minnha.
Bugeja qalet li “Jiena bniedma ferrieħija, inħobb ħafna, jiġiferi anki fil-festa ta’ San Gejtanu, fil-marċijiet nieħu parti wkoll jiġifieri. Anki l-familja tiegħi, dejjem hemm miegħi jiġifieri. Kelli r-raġel u t-tfal, għandi erba’ t’itfal jiġifieri, kienu jkunu jdoqqu wkoll.”
Lil Gejtana ltqajna magħha fid-dar tal-anzjani tal-Little Sisters of the Poor fil-Ħamrun.
Hemmhekk l-għaqda volontarja Footsteps, li l-membri tagħha jiżfnu l-line dancing, sibnihom janimaw lill-anzjani f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
L-anzjani residenti f’din id-dar fil-Ħamrun ma qagħdux lura u wħud minnhom, b’xi soru ’l hemm u ’l hawn qamu jiżfnu mal-għanjiet u l-kanzunetti tal-Milied.
Gejtana, b’enerġija liema bħala ma qagħditx lura milli tesprimi s-sodisfazzjon tagħha lejn il-ferħ li qed iġġib fost ħaddieħor.
Bugeja qalet li “Ħafna nħoss ferħ kbir u kulħadd nixtiequ li jkun hekk. Għax il-bniedem meta jkun ferħan iktar ikun jaf li qed jgħix. Imbilli tagħmel id-dwejjaq se tieħu, mhux hekk? Inħobb hekk inkun ferħana.”
Bla dubju ż-żfin ta’ Gejtana u oħrajn nissel tbissima u ġibed is-simpatija ta’ bosta anzjani li f’dawn il-festi wkoll rċievew ftit wens.