Aktar minn mitt persuna jew familja rrikorrew u sabu spalla ta’ faraġ u għajnuna mir-Rainbow Support Service matul din is-sena. Dawn jinkludu kemm individwi u anke il-membri tal-familji tagħhom li jirrikjedu appoġġ kemm emozzjonali u morali kif ukoll anke legali matul xi fażi minn ħajjithom.
ONE News iltaqa’ mal-ħaddiema soċjali fi ħdan ir-Rainbow Support Service Colette Farrugia Bennett fejn spjegat li l-etajiet ta’ dawk li jersqu lejhom ivarjaw minn erba’ snin u jitilgħu sa anke persuni aktar avvanzati fiż-żmien. Fosthom armel ta’ 70 sena li kien ilu jħossu differenti min-norma tas-soċjetà minn żgħożitu.
Qalet kif, “Kien qisu irripressa dak li kien qed iħoss u pprova jimxi mal-kurrent. Illum il-ġurnata li sfortunatament il-mara mietet ħass il-libertà li issa jista’ jgħix il-ħajja tiegħu hu min hu.”
Farrugia Bennett qalet kif minkejja li s-soċjetà Maltija mxiet ħafna l’quddiem permezz ta’ diversi miżuri u liġijiet li daħħal il-Gvern xorta għad hemm messaġġi negattivi mis-soċjetà stess mmirati lejn persuni omosesswali.
Spjegat kif l-aktar sitwazzjonijiet komuni huma mistoqsijiet dwar l-identità tal-ġeneru ta’ l-individwu jew l-orjentazzjoni sesswali waqt li jkunu qed jesploraw huma min huma.
Spjegat, “Nagħmlu sessions mal-persuni, it-tim tagħna huwa tim ta’ social workers u family therapists u psikoterapista u nagħmlu sessions b’mod individwali jew mal-familji according to the needs biex inkomplu nipprovdu dak is-sapport li għandhom bżonn dak l-individwu u dik il-familja.”
Hija sostniet li organizzazjoni bħal dik tar-Rainbow Support Service hija kruċjali li taħdem id f’id mal-Gvern sabiex toffri l-aħjar għajnuna u appoġġ professjonali u strutturat.
Qalet kif, “Once li mbagħad kellna il-fondi stajna u l-commitment huwa wieħed konsistenti u filfatt nagħmlu dan ix-xogħol ma’ diversi familji u missejna l’fuq minn mitt persuna din is-sena u nemmnu li nistgħu nkomplu noħolqu l-ġid f’dawn il-familji u f’dawn il-familji bix-xogħol li qed nagħmlu.”