Ta’ 62 sena, f’sodda ma’ tiflaħx, Ġemma ngħatat l-opportunità li minn sitwazzjoni mhux daqstant sabiħa toffri mill-ftit li tista’ sabiex tgħin lil dawk li huma fil-bżonn u jinsabu morda aktar minnha l-Etjopja.
Ma’ The People of Malta hi spjegat kif ta’ 62 sena marret l-Etjopja. Hi qalet “kont ma niflaħx l-isptar, meta ġie jarani saċerdot u jien għidtlu: ‘Flok qegħda hawnhekk, aħjar qiegħda l-missjoni.’ Wara tlett ijiem ċempilli u stedinni biex immur mal-grupp tiegħu ġewwa l-Etjopja għand is-sorijiet ta’ Madre Tereża.”
Minn hemm Ġemma qalet “Morna f’kumpless fejn hemm il-foqra fost il-fqar, ‘il fuq minn 2000 pazjent kollha b’mard differenti fosthom il-lebbra u l-AIDS. Din l-avventura ħallitli l-marka ta’ kemm hi sabiħa s-sempliċita’. Nixtieq li nerġa’ mmur. Inti tagħti l-ftit, imma dawn in-nies jagħtuk il-ħafna.”
Huma intervistawha quddiem is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba fejn sostniet li tħoss sodisfazzjon kbir li tieħu ħsieb dan is-Santwarju. “Nipprova nkun ta’ kuraġġ għal min ifittex il-kuraġġ.”
Ritratt: The People of Malta