Żagħżugħ ta’ 16-il sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie mixli li din il-ġimgħa ħebb għal ommu u heddidha b’sikkina fil-preżenza ta’ oħtu iżgħar minnu fir-residenza tagħhom f’Ħ’Attard.
Fil-Qorti ħareġ li l-argument mal-omm, li hi wkoll tqila, kien instigat minn isem l-aħħar sieħeb tagħha.
L-Ispettur Audrey Micallef, li ressqet l-akkużi kontra ż-żagħżugħ, qalet li ġiet informata mill-Pulizija ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika dwar il-każ wara li l-omm ċemplet lill-Pulizija fid-Distrett ta’ Birkirkara.
Meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu lill-mara barra r-residenza tibki fejn spjegat li nqala’ l-argument ma’ binha li allegatament ukoll heddidha li jaħraqilha l-karozza tagħha u tas-sieħeb tagħha.
Binha ġie akkużat li qabad sikkina u beda jxejjirha f’wiċċ ommu. Għalkemm il-mara ma sofriet l-ebda ġrieħi, hi kienet fi stat ta’ xokk u ġiet invistata minn tabib minħabba saħħitha u saħħet it-tarbija f’ġufha.
Waqt li saret talba għall-ħelsien mid-difiża, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat.
L-Avukat Mark Mifsud Cutajar, li deher għall-omm, qal li hi rabbiet lil binha kważi waħedha u fil-passat kien hemm inċidenti oħrajn minuri li eskalaw. Qal li l-mara tinsab bejn ħaltejn jekk it-tifel għandux jieħu tagħlima.
Min-naħa l-oħra, id-difiża rappreżentata mill-Avukati Ezekiel Psaila u Dustin Camilleri, qalet li dan mhux xi każ ta’ xi bully, imma żagħżugħ nieqes mill-imħabba u b’diversi problemi mediċi bil-kundizzjoni tal-ADHD u anke t-temtim.
Ġie rrimarkat li ż-żagħżugħ ried jirranġa l-gwardrobba għax kienet qed tinkiser u, minkejja li ommu taf il-problemi li għandu, din qabdet tgħajjat miegħu u ma waqfitx. F’ħin minnhom qaltlu li kien dalwaqt se jasal is-sieħeb tagħha u kien hawn li binha qalilha li ma riedx jaf bih għax dan kien tah xebgħa. Id-difiża argumentat li l-verità hi li l-omm kienet f’relazzjoni diġà ma’ erba’ rġiel f’ħajjitha u t-tifel jinsab imkisser u allura jeħtieġ l-għajnuna.
Meta ġiet biex tiddeċiedi, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja anke minħabba l-biża’ għall-omm, it-tarbija li qegħda ġġorr, u t-tifla ż-żgħira l-oħra.