Caylee Attard hi tfajla ta’ 15-il sena li ftit jiem ilu għamlet suċċess fl-Ungerija fl-isport tal-Powerlifting. Dan hekk kif marret tirrappreżenta lil pajjiżna f’dan l-isport wara sena biss tittrenja.
Ma’ ONE News, Caylee spjegat kif is-sehem tagħha fil-kampjonati tal-European Sub-Junior & Junior Classic Powerlifting, kienet l-ewwel esperjenza ta’ kompetizzjoni barra ’l pajjiż fejn kisbet suċċess.
Hija ġiet l-ewwel fl-isquat, ir-raba’ fid-deadlift u r-raba’ fil-bench press, u s-seba’ post fl-overall.
“Għalija kienet esperjenza sabiħa u anke opportunità tajba bħala persuna ta’ età żgħira u li nista’ nibda ninkoraġġixxi lin-nies biex ma jaqtgħux qalbhom. Min narah li qed jaqta’ qalbu, nara kif biex ngħinu.”
Spjegat li l-powerlifting, minkejja li bosta jaħsbu u jqabbluh mal-weightlifting, huwa differenti.
Caylee qalet ma’ ONE News kif għall-ewwel bdiet titħarreġ fil-weightlifting iżda maż-żmien beda jogħġobha aktar il-powerlifting u l-kowċ tagħha ħeġġiġha tkompli fih.
“Powerlifting jinkludi tliet tipi ta’ lifts. Squat, deadlift u bench. Għandek bżonn ħafna strength fejn dan jiġi minn taħriġ il-gym fejn wieħed jista’ jagħmel bħala anke kardjo. Tajjeb li wieħed iżomm il-piż ta’ ġismu kostanti biex b’hekk ikollu ċans aħjar.”
Caylee qalet li t-triq tagħha fit-taħriġ għal dan l-isport ma kinitx dejjem ward u żahar, hekk kif anki kien hemm nies l-iskola li bbuljawha minħabba li n-natura tal-isport hi aktar assoċjata mal-irġiel.
Biss minflok qatgħet qalbha, għamlet aktar kuraġġ u ħadmet biex titjieb f’dan l-isport, li issa sar parti kbira minn ħajjitha u qed tħares ’il quddiem biex tkompli tirnexxi u tikseb aktar suċċessi.