Tfajjel ta’ 13-il sena rnexxielu jikseb kwalifika fil-komputer li normalment jiksbuha żgħażagħ u adulti li jkunu aktar maturi u avvanzati fl-edukazzjoni tagħhom.
Ismael Zammit li għandu ambizzjonijiet kbar f’ħajtu, beda kors mal-Istitut tal-Edukazzjoni ICE u temmu b’suċċess wara li xtaq jimraħ aktar minn dak li kien qed jitgħallem l-iskola..
Ma’ ONE NEWS, Ismael, spjega li l-imħabba lejn it-teknoloġija b’mod partikolari l-kompjuter, nibtet fih sa mill-eta’ tenera ta’ erba’ snin fejn saħansitra, id-dar qatt ma kien jilgħab bil-ġugarelli imma kien dejjem ikun irid jigħab bil-kompjuter.
Qal li malli wasal biex jibda s-sekondarja, ħass li t-tagħlim tal-informatika ma kienx biżżejjed għalih.
Kien hawn li permezz tal-għajnuna li ngħata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Ismael beda kors fl-IT Essentials li kien jinvolvi 14-il suġġett dwar kif jinbena ċertu apparat tal-kompjuter, tindif fl-istess magna, troubleshooting, formatting u saħansitra anke networking fejn wara kellu jagħmel 4 testijiet u żewġ eżamijiet oħra sabiex jingħata ċ-ċertifikat.
Mistoqsi minn One News dwar din il-kisba, bi tbissima fuq fommu, Ismael semma kif għad baqgħalu ħafna x’jitgħallem:
Inħossni kburi. Dejjem hemm iżjed x’nitgħallem ħa nkompli nistudja.
Għal Ismael, l-imħabba lejn il-kompjuter qiegħda dejjem tidħol fil-fond b’mod partikolari fis-suġġett tan-networking fejn spjegalna kif huwa qed jaspira sabiex eventwalment jilħaq inġienier tan-networking.
Mistoqsi fi kliem sempliċi x’jinvolvi dan ix-xogħol, Ismael qal li minn fejn ikun qiegħed jaħdem huwa jkun jista jsolvi problema teknika ta’ persuna li tkun f’lokalita’ differenti.
Omm Ismael, Janet Zammit esprimiet is-sodisfazzjon li binha tela’ tarġa oħra fid-dinja tal-informatika li tant għandu għal qalbu:
Hu dejjem ried li jkollu xi ħaġa differenti u allura niddeskriva bħala xi ħaġa mhux li ssir kuljum- iħossu kuntent u sodsfatt li għamilha- issa naraw.