Il-Gvern għaddej b’xogħol ta’ restawr mifrux fuq kważi 19,000m² tas-swar li mill-Furjana jagħtu għal fuq il-Port ta’ Marsamxett.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-Gvern reġa’ ta ħajja lil dawn il-fortifikazzjonijiet permezz ta’ investiment €1,600,000 mill-Fond Nazzjonali. Il-Ministru spjega kif “s’issa rrestawrajna 18,800m² ta’ sur f’din il-parti tal-Furjana. Bdejna restawr ieħor fuq parti oħra tal-Furjana biex is-swar nieħdu ħsiebhom mmexxuhom ‘il quddiem, għaliex dan huwa wirt storiku straordinarju żgur li jagħmel differenza fejn jidħol il-prodott turistiku ta’ pajjiżna u l-imħabba tal-Maltin lejn dak li huwa Malti”.
Il-perit tal-proġett, Jean Frendo, spjegat kif dawn il-fortifikazzjonijiet inbnew mill-Kavallieri biex jipprovdu aktar protezzjoni lill-art ta’ quddiem il-Belt. Matul is-snin l-elementi u l-bombi mitfugħa waqt it-Tieni Gwerra Dinjija ħallew il-marka tagħhom. Spjegat kif il-gwerra ħalliet effetti wkoll fuq l-Arkata ta’ Barbara li tagħmel parti minn din il-fortifikazzjoni. Din kellha diversi tambrotti, kemm fuq in-naħa ta’ barra u kemm fuq in-naħa ta’ wara li kienu waqgħu, u x’aktarx kien effett tal-Gwerra u tal-bombi, spjegat il-Perit Frendo.
Żiedet tgħid ukoll li x-xogħlijiet fuq din l-arkata involvew proċess metakoluż ta’ bdil ta’ ġebel filwaqt li kollox ġie marbut f’postu b’numru ta’ vireg twal tal-istainless steel u carbon fibre.
Dawn il-vireg se jipprevjenu wkoll movumenti li jagħmel il-ġebel minħabba l-forma tal-mina.