Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda għat-tnedija ta’ inizjattiva għal Pink October ġewwa il-faċilità għall-kura fit-tul għall-anzjani ta’ San Vinċenz De Paul (SVP).
Waqt din l-attività, spikka l-kulur roża, dan għaliex l-anzjani ġew mogħtija maktur roża bit-tema ‘SVP goes Pink’. Il-ħaddiema u l-anzjani kollha kienu nkorraġuti jilbsu r-roża, u tqassmu ħelu u bżieżaq roża. SVP żvela wkoll banner bl-istess tema li se tkun qiegħda tinżamm mal-faċċata matul ix-xahar ta’ Ottubru.
Waqt din l-attività, Anthony Agius Decelis saħaq dwar l-importanza li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u jagħmel l-eżamijiet neċessarji sabiex iżomm ruħu informat fuq saħħtu. Għaldaqstant, huwa stqarr li okkażjonijiet bħal Pink October huma importanti sabiex tkompli titqajjem kuxjenza fuq saħħitna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SVP Josianne Cutajar spjegat kif il-kanċer tas-sider jolqot lil bosta persuni, u kien hemm każijiet fejn intlaqtu ħaddiema u anke anzjani kienu għaddew minn din l-esperjenza. B’hekk, SVP ħa l-inizjattiva biex matul ix-xahar ta’ Ottubru, jinġabru donazzjonijiet mill-wards kollha, fejn ir-residenti, membri tal-familja, viżitaturi jew ħaddiema, se jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal din il-kawża.
Din l-attività sarrfet ukoll bħala avveniment ieħor li jirrifletti l-importanza ta’ anzjanità attiva, u l-irwol importanti li għandhom l-anzjani fil-komunità. Huwa jsarraf ukoll f’opportunità biex l-anzjani wkoll iħossuhom ivvalurati u li qegħdin jikkontribwixxu għas-soċjetà Maltija.