Mija u tletin għaqda sportiva se jieħdu bejniethom sussidju ta’ tliet mitt elf ewro fuq il-kirjiet tal-artijiet.
Dan fi skema li għandha l-ħsieb li tirkupra xi ftit mit-telf li sofrew l-għaqdiet minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li minħabba l-imxija, il-klabbs u l-għaqdiet sportivi li kellhom jagħlqu l-impjanti u l-faċilitajiet tagħhom, b’konsegwenza li sofrew ukoll ekonomikament.
Spjega kif il-maġġoranza tal-klabbs u l-għaqdiet sportivi jistrieħu fuq il-ftit introjtu li kapaċi jagħmlu mill-faċilitajiet tagħhom u għalhekk inħass il-bżonn li tingħata aktar għajnuna finanzjarja.
“Dawk kollha li għandhom il-faċilitajiet tagħhom kellhom jagħlqu. Issa, dawn il-faċilitajiet, il-klabbs, ikollhom introjtu u allura l-introjtu waqaf u allura dawn qed ibatu. L-inqas ħaġa li stajna nagħmlu li naraw li dawn il-klabbs nistgħu ngħinuhom billi nagħtuhom sussidju fuq il-kera għal din is-sena kurrenti. Huma diġà jkollhom sussidju ta’ ħamsa u disgħin fil-mija mill-kera li jkunu qed iħallsu, kera jew ċens jiddependi, dik il-ħamsa fil-mija ħa ngħidulhom li għal dis-sena ħa tkun qed tiġi bħala assistenza.” 27
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal li SportMalta mill-bidu nett tal-pandemija kienet minn ta’ quddiem biex tagħti l-għajnuna meħtieġa lil dawn l-għaqdiet. Fosthom bl-iskema tal-Covid Wage Supplement, l-Online Helpdesk u bit-tfassil ta’ protokolli mediċi dwar kif jista’ jsir użu sigur tal-faċilitajiet.
“Dawn it-tip ta’ inizjattivi mhumhiex l-ewwel tax-xorta tagħhom, qegħdin hemmhekk biex jassiguraw l-eżistenza tal-klabbs imma fuq kollox l-operat. L-operat anki mil-lat prattiku fejn ngħinu lill-atleti individwali u dan kollu biex nassiguraw li SportMalta tibqa’ twettaq id-dmir tagħha, jiġifieri dak li tara li pajjiżna jkompli jibqa’ attiv fuq l-aspett fiżiku u anki sportiv.” 19