It-Tlieta, għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar, ġew irrapportati nirien kbar f’erba’ żoni tal-masġar tal-Aħrax tal-Mellieħa.
In-nirien ġew ikkontrollati minn ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, flimkien ma’ għadd kbir ta’ voluntieri tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK.
Dwar dawn in-nirien tkellimna mal-President tal-Federazzjoni, Lucas Micallef, li qed jiġi suspettat li dawn in-nirien huma riżultat ta’ att vanadali, speċjalment minħabba l-mod ta’ kif seħħew fl-istess ħin f’erba’ postijiet differenti.
Hu sejjaħ dawn in-nirien bħala att kodard.
“Dalgħodu, in-nar għadu tista’ tgħid ma ntefiex kompletament fejn reġa’ qed jipprova jaqbad u fil-fatt se nibqgħu nagħmlu monitoring fuq is-sit fejn saru diversi ħsarat fuq is-siġar li hawn f’din iż-żona.”
Fuq il-post kien hemm ukoll il-preżenza tal-uffiċjali tal-ERA kif ukoll uffiċjali tal-Pulizija.
Dwar id-danni, il-President tal-FKNK spjega li dawn huma kbar ħafna, iżda għad irid jiġi evalwat eżattament kemm. Tenna li fil-ġimgħat li ġejjin il-Federazzjoni se tkun qed titkellem mal-awtoritajiet biex tiġi rriġenerata mill-ġdid din iż-żona.
L-FKNK qalet li, fil-jiem li ġejjin se tkun qegħda tikkordina pjan għar-riġenerazzjoni tal-abitat li nħaraq.
Il-President spjega wkoll li l-Federazzjoni tnaddaf din iż-żona ta’ sikwit minn skart u imbarazz ieħor fi sforz biex ikunu protetti u kkonservati dawn l-inħawi tal-kampanja Maltija.
“Qed nsibu tista’ tgħid sfreġju f’diversi postijiet. Qed nipprovaw nwasslu għarfien lill-pubbliku biex tgawdi l-postijiet, imma ibża’ għalihom. Tħalliex ħmieġ warajk u minbarra hekk nagħmel appell lill-pubbliku biex min għandu informazzjoni dwar il-każ li seħħ ilbieraħ jgħaddih lill-Pulizija.”