Noel Xuereb ta’ 42 sena minn San Ġiljan u Pierre Mercieca ta’ 47 sena minn Tas-Sliema ma nstabux ħatja li fl-2007 xxaħħmu fl-għoti tal-kuntratt ta’ €30 miljun tas-
sistema tal-informatika tal-isptar Mater Dei.
Xuereb u Mercieca spiċċaw investigati mill-Pulizija wara li d-deputat Nazzjonalista Claudio Grech, dak iż-żmien kap tas-segretarjat tal-Ministru Austin Gatt ġieħ suspett li Xuereb, uffiċjal pubbliku fil-kumitat ta’ evalwazzjoni, beda jgħaddi xi informazzjoni minn taħt lil Mercieca li kien fil-konsorzju Malti bl-isem AME li ntgħażel bħala l-aqwa offerent għal dan il-kuntratt.
Fil-qorti ngħad li s-suspetti ta’ Grech li kien iċ-ċermen tal-kumitat tal-evalwazzjoni tal-offerti, tqajmu proprju fl-aħħar tan-negojzati. Dan wara li l-kumpanija iSoft li fil-bidu tal-proċess kienet indikata li kellha l-aqwa offerta, ġiet eskluża minħabba diffikultajiet finanzjarji u legali li kellha barra minn Malta u li kienu ġew identifikati minn sorsi internazzjali inkluż ukoll minn Xeureb.
Dawn is-suppost suspetti ta’ Grech wasslu biex il-Gvern waqqaf ħesrem il-proċess u minbarra li bdew proċeduri kriminali kontra Grech u Mercieca, il-kuntratt spiċċa għand entità fejn il-kumpanija iSoft kellha interess. L-Isoft kienu rrappreżentati f’Malta minn Demajo Group li waqt ix-xhieda ta’ Noel Xuereub intqal li kienet tħallas għall-kampanja elettorali tal-ex ministru Austin
Gatt u li kien hemm tendenza li l-proġetti l-kbar kienu jingħataw lilha.
Saħansitra ħareġ li kumpanija Gartner, konsultent internazzjoali mqabbad mill-gvern, ikkonfermat dak li qal Xuereb, u qalu li kien ta’ riskju u perikoluż għall-pajjiż li l-kuntratt jingħata lill-isoft.
Rinfaċċjati b’din is-sitwazzjoni, filwaqt li ll-membri fil-kumitat kollha qablu li jaċċettaw l-offerta tal-AME, Claudio Grech baqa’ dejjem jivvota waħdu favur il-kumpanija iSOFT. Fil-fatt fix-xhieda tiegħu Xuereb stqarr hekk quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale:
Xhud-
“Grech kien l-unika wieħed li baqa’ jivvota favur l-iSOFT u hawnhekk bdejna ninnotaw ħafna mill-membri tal-Core Evaluation Committee that his attitude changed.”
Fil-Qorti x-xhud kompla jispjega kif meta waslu biex jagħlqu l-kuntratt, Claudio Grech, beda jagħmel minn kollox biex ma jkunx hemm ftehim mal-ALE. Dan billi beda jżid mal-kundizzjonijiet msemmija fit-tender u mifthema.
Xhud –
“Żied ma dak li kien hemm. U dawn ma kinux affarijiet żgħar. Kienu affarijiet kbar..”
Biex ikompli jagħmilhom diffiċli, Grech talabhom garanzija bankarja ta’ 4 Miljun ewro. Dawn it-talbiet wasslu lil ċertu Anthony Fava, rappreżentant tad-Dipartiment tal-Kuntratti, sabiex ċanfar lil Grech u qallu biex joqgħod attent u ma jipprovax jitlob affarijiet li mhux qiegħdin fit-tender.
Ironikament il-qorti qalet li l-azzjonijiet li ħa Xuereb biex il-Gvern ikollu l-aqwa offerta wasslu biex ittieħdu proċeduri kriminali kontrih. Dan wara li Mercieca rnexxielu jegħleb l-ostakli ta’ Claudio Grech biex il-proġett jiġi konkluż.
Madankollu Mercieca wkoll spiċċa akkużat b’korruzzjoni, kxif ta’ sigrieti u gwadann personali meta xlewh li pprova jixtri lil Xuereb b’fireplace li fil-fatt irriżulta li kien ħallas għalih l-istess Xuereb.
Fil-fatt fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti qalet li jirriżulta ċar li Noel Xeureb qatt ma ħa xi pagament jew ingħata xi favur minn Pierre Mercieca u qatt ma għaddielu xi dokumenti bil-għan li jikxef xi sigriet biex jagħmel xi gwadann personali, izda għamel dak kollu possibbli biex jassikura li l-proġett li ġie afdat lilu jiġi konkluż b’suċċess u jekk dan ma seħħx mhux minħabba fih, iżda minħabba azzjonijiet ta’ terzi u ċirkostanzi li ma kellux kontroll fuqhom.
Għal Mercieca deher l-Avukat Dr Manuel Mallia waqt li Joe Giglio deher għal Xuereb.
Intant b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti Claudio Grech ħareġ jattakka lix-xhud li ġie illiberat minn kull akkuża.
One News qed jippubblika b’mod sħiħ it-tweġiba li bagħat Grech bħala dritt għar-risposta.
Sur Editur:
- Dak li ntqal minn Xuereb huwa qlib tal-verita’ rasha l-isfel. Filwaqt li wieħed jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti, l-aktar punt importanti li jrid issemma f’dan l-istadju huwa li Xuereb seta jgħid li jrid fix-xhieda tiegħu li hu ta biss wara li l-Qorti tat Digriet biex l-interċetazzjonijiet telefoniċi u elettroniċi ma’ jiġux ammessi fil-proċeduri tal-Kawża u dan għaliex il-Pulizija ma’ eżebietx il-warrant neċessarju biex ottjeniet l-istess interċetazzjonijiet.
- Minkejja dak li stqarr Xuereb, ir-riżultati ta’ l-iscoring (kollha kemm huma fatti dokumentati) juru li f’kull vot u scoring li ngħata tul il-proċess kien hemm kunsens sħiħ u unanimu u fl-ebda ħin, scoring jew istanza (kif ġie kkwotat) ma’ jien ivvotajt “waħdi” favur xi kumpanija jew oħra.
- Minkejja dak li stqarr Xuereb, mhux talli bl-aġir tiegħi m’aġevolajt lil ħadd iżda l-fatti dokumentati juru li kont jien stess li rrakommandajt li t-tender ma’ jmurx għand it-tieni bidder (iSoft) iżda li jiġi kkanċellat u li jsir biss dak li kien minimament neċessarju sabiex l-isptar Mater Dei ikun jista’ jopera.
- Il-fatti dokumentati wkoll juru li l-qafas tas-salvagwardji li kellhom jiddaħħlu fil-ftehim kien maqbul mill-Kumitati risponsabbli u huwa fatt inkonfutabbli li dan kien fl-interess tal-Gvern u ta’ ħadd aktar. L-interess ta’ kull persuna appuntata mill-Gvern f’dan il-proċess ma’ kienx li jara l-interess tal-bidders iżda kien li l-Gvern jieħu l-aħjar valur ta’ dak li kien ser iħallas u dak li ntalab kien proporzjonat mar-riskju li kien ser jidħol il-Gvern għalih.
- L-akbar prova li xxejjen dawn il-konġenturi kollha huwa li meta jien issuspettajt li kien hemm leakages ta’ informazzjoni, jien għamilt dak li kien mistenni minni u għarraft lill-Ministru responsabbli u sussengwetement lill-Prim Ministru li minnufih għażlu li jibgħatu għall-Kummissarju tal-Pulizija u jqabbduh jinvestiga lil kollox u lil kullħadd.
- L-investigazzjonijiet saru mill-Pulizija u mhux minni u nifhem li ġew akkużati persuni fil-Qorti għaliex il-Pulizija kellha biżżejjed provi biex tagħmel dan u mhux b’xi kapriċċ. Żgur li ma’ nistgħax nieħu responsabbilita’ għall-fatt li Pulizija naqset milli tipproduċi l-warrant neċessarju biex tkun tista teżebixxi l-evidenza tagħha fil-Qorti.