Susan Mulvaney, imwielda l-Mosta fl-1946, kienet waħda mill-pijunieri fix-xandir, magħrufa partikolarment għal programmi edukattivi.
Fl-1964, kienet l-ewwel tfajla apprendista mal-Union Press u wara nħatret sub-editor tal-ġurnal l-Orizzont. Fl-1976, kienet imsejħa sabiex tieħu f’idejha l-programm tan-nisa ta’ Radju Malta Wieħed u fl-1981 daħlet max-Xandir Malta. Fl-1991, kienet fost l-ewwel grupp ta’ ħaddiema tal-RTK fejn, għal diversi snin, ipproduċiet programmi ta’ interess għall-familja kollha. Kien hawnhekk li nnominawha għall-Premju Ħaddiem tas-Sena. Wara reġgħet lura l-PBS fejn, sakemm mietet, baqgħet, bħala kontributur, itella’ programmi edukattivi. Kitbet ukoll għadd ta’ kotba ta’ riċetti, tagħrif nutrittiv u etikett.
Bejn l-1996 u l-2007, kienet ukoll membru tal-Bord tal-Viżitaturi tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u fl-2007 inħatret membru tal-Bord tal-Viżitaturi għal Persuni Detenuti fejn tat ilkontribut tagħha sabiex jitjiebu ċerti kundizzjonijiet. F’dawn l-aħħar snin kienet ukoll membru tal-Frontex fejn kienet tintalab takkumpanja immigranti irregolari li kienu se jiġu ripatrijati lura pajjiżhom biex tara li jkollhom trattament dinjituż.
Dan ix-xogħol ħadha spiss f’Lagos u filpajjiżi Baltiċi. Susan Mulvaney kienet ukoll l-assistent tal-Magistrat Doreen Clarke fil-Qorti tal-Minorenni u membru tal-Looked After Children’s Unit fi ħdan il-Malta Community Chest fund.
F’Diċembru 2013, kienet maħtura mill-Gvern bħala membru ta’ kumitat għall-immaniġġjar tal-Isptar Zammit Clapp u sena wara assistent tal-Administrative Review Tribunal in the Media and the Arts Panel. Mulvaney kienet attiva wkoll f’għaqdiet filantropiċi: kienet president tal-Carmen Carbonaro School of Beauty and Hairdressing u ko-fundatur tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi u tal-Malta Osteoporisis Society.