Fl-ewwel tmien xhur tal-2017 il-Fond Konsolidat kellu surplus ta’ €31 miljun. Dan hu l-aqwa riżultat finanzjarju għall-ewwel tmien xhur tas-sena li qatt ġie osservat fl-aħħar snin.
Filwaqt li fis-sena 2016 kollha pajjiżna kellu surplus ta’ €9 miljun, fl-ewwel tmien xhur ta’ dik is-sena kien hemm żbilanċ ta’ €79 miljun. Dan ifisser li, meta mqabbel mal-2016, sa issa fl-2017 Malta rreġistrat titjib ta’ €110 miljun.
Fl-istess perjodu fl-2012 kien hemm defiċit ta’ €268 miljun, jiġifieri, mill-bidla fil-gvern twettaq titjib ta’ kważi €300 miljun fil-Fond Konsolidat.
Id-dħul tal-Gvern fl-ewwel tmien xhur tal-2017 kien €261 miljun iktar minn sena ilu. Evidenza ta’ kemm qed tikber l-ekonomija, fost oħrajn, hemm iż-żieda ta’ €62 miljun mill-income tax, ta’ €43 miljun mill-VAT u ta’ €39 miljun mill-bolla. Iż-żieda kienet dovuta wkoll għal dħul ogħla minn Fondi Ewropej.
Imqabbel mal-aħħar sena tal-gvern preċedenti, id-dħul tal-Gvern hu €879 miljun iktar, jiġifieri 52% ikbar u xprunat minn żieda fid-dħul mill-income tax minkejja li r-rata tat-taxxa tnaqqset f’kull budget fil-leġiżlatura li għaddiet. Dan hu sinjal ta’ kemm qed jiżdied id-dħul tal-familji u tan-negozji tagħna.
Fl-ewwel tmien xhur tal-2017 l-ispiża tal-Gvern żdiedet b’€151 miljun fuq is-sena li għaddiet. Fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern, fl-istess perjodu, kien hemm żieda ta’ €197 miljun, jiġifieri 30% iktar milli kellna din is-sena.
Filwaqt li fl-aħħar sena, qabel il-bidla fil-gvern, id-dejn nazzjonali kien żdied bi €340 miljun, fl-aħħar tnax-il xahar naqas b’€9 miljun. Tant kemm il-finanzi pubbliċi qed jitmexxew b’galbu, li l-ispiża tal-imgħaxijiet fuq id-dejn pubbliku naqset b’€5 miljun fl-ewwel tmien xhur tal-2017. Taħt l-amministrazzjonijiet preċedenti din kienet fost l-iktar spejjeż li kienu jogħlew sena wara sena, pereżempju, fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern kien hemm żieda ta’ €13 miljun.
Il-politika ta’ għaqal fil-finanzi pubbliċi qed twassal għal tkabbir ekonomiku qawwi u għal żieda fil-fiduċja f’pajjiżna minn istituzzjonijiet u investituri barranin.
Mingħajr ebda miżuri ta’ awsterità, Malta issa qed ikollha l-aqwa finanzi pubbliċi fl-Unjoni Ewropea. Dawn ir-riżultati se jippermettu lill-Gvern biex ikompli jieħu miżuri pożittivi li jtejbu l-livell ta’ għajxien tal-familji tagħna filwaqt li jkompli jibni futur aħjar għal pajjiżna.
F’kummenti li ta il-Prim Ministru mill-Estonja kompla jikkonferma kemm il-viżjoni tal-Gvern f’dan il-qasam qed tmexxi l-pajjiż fit-triq it-tajba.