Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena l-kont kurrenti ta’ Malta għamel surplus ta’ €200 miljun.
Il-kont kurrenti huwa il-bilanċ nett kummerċjali ta’ pajjiż u juri s-saħħa ekonomika ta’ pajjiż.
Skont statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO ntqal is-surplus fil-kont kurrenti żdied b’aktar minn €72 miljun meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra.
L-NSO spjega kif dan is-surplus kien dovut minn żieda fil-bilanċ ġej mill-kont tas-servizzi li ammonta għal ftit aktar minn €857 miljun.
Dan apparti servizzi kummerċjali oħra li żiedu l-bilanċ tagħhom, fosthom dawk tat-trasport u l-ivvjaġġar.
Bejn Jannar u Marzu li għadda, il-kont kapitali ammonta għal €22,500,000.
L-assi tal-pajjiż ukoll żdiedu bi kważi €11-il miljun u ammontaw għal kważi €91 miljun.
L-NSO qalet li s-sitwazzjoni tjiebet ukoll b’investiment li ammonta għal kważi €2 biljun.
Din l-aħħar statistika turi s-saħħa ekonomika eżatt qabel faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna u kif din baqgħet reżiljenti fl-eqqel tal-imxija.