Li Malta tgħalaq is-sena finanzjarja mingħajr ma jkollha defiċit mhix xi ħaġa li kienet imwiegħda għall-ewwel darba qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Fl-2008, Simon Busuttil kien kiteb il-manifest elettorali ‘Flimkien Kollox Possibbli’ li fih intqal li pajjiżna kellu jkollu surplus sal-2010, jew aħjar seba’ snin ilu.
Il-wiegħda li pajjiżna idaħħal iktar milli jonfoq sal-2010 kienet waħda ewlenija.
Dakinhar kienet kampanja elettorali, fejn dak li kiteb Simon Busuttil, fil-manifest elettorali kien ripetut iktar minn darba.
Il-Partit Nazzjonalista kien rebaħ l-elezzjoni ġenerali. Iżda, il-wiegħda li kiteb Simon Busuttil ma nżammitx.
Ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista raw id-defiċit ta’ pajjiżna jaqbeż il-mitejn miljun ewro ta’ kull sena, bil-qofol jintlaħaq fl-2012, is-sena meta Simon Busuttil inħatar Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista u beda jikteb manifest elettorali ieħor tal-Partit Nazzjonalista. Dik is-sena għalqet b’defiċit ta’ €362 miljun ewro defiċit.
Dan wassal biex ftit wara li gvern ġdid beda jamministra l-pajjiż pajjiżna ddaħħal fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Proċedura tal-Kummissjoni Ewropewa kontra min għandu wisq defiċit.
Proċedura li ħareġ minnha f’Ġunju 2015 meta l-Kummissjoni Ewropea bdiet tara lil pajjiżna jnaqqas id-defiċit għal sena wara oħra.
Għax b’amministrazzjoni ġdida pajjiżna bidel id-direzzjoni. Sakemm illum m’għadux jitkellem biss dwar defiċit iżda jista’ jitkellem ukoll dwar surplus. Pajjiżna llum huwa wieħed iktar kredibbli.