Glen Carabott ta’ 40 sena mill-Imtarfa, li jaħdem bħala Surġent tal-Pulizija nżamm arrestat wara tressaq il-Qorti akkużat b’stupru fuq tfajla.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi John Spiteri u Michael Vella qalet kif fil-lejl bejn is-16 u s-17 ta’ April, tfajla għamlet rapport lill-Pulizija minħabba serqa fid-dar taghha.
Il-Prosekuzzjoni qalet li allegatament, l-akkużat stupra lit-tfajla meta mar biex jinvestiga l-każ.
Fil-Qorti ntqal li huwa ġibed filmat tal-allegat stupru.
Intqal ukoll li r-rapport tas-serqa ma daħalx fl-għassa tal-pulizija.
Carabott ilu jagħti s-servizz fil-korp tal-Pulizija għal dawn l-aħħar 18-il sena u kien stazzjonat fl-Għassa tal-Qawra.
Intqal ukoll li nfetħet Inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ.
Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Arthur Azzopardi talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-akkużi huma gravi.
Dr Arthur Azzopardi qal li l-kawża għandha tinstema’ wara l-bibien magħluqa iżda l-Maġistrat Gabriella Vella ċaħdet it-talba.
Il-Prosekuzzjoni talbet għal divjett fuq isem il-vittma u nnutat li l-akkużat u l-vittma ma jiġux minn xulxin.
Il-Qorti ordnat li jkun hemm divjett fuq isem il-vittma u Carabott ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.