Il-grupp The Guiding Light Group għal ħmistax-il sena organizza l-Presepju Ħaj fix-Xagħra bl-għan ewlieni li jwassal lil kull viżitatur il-messaġġ ta’ ferħ, tama u sliem marbut mal-ġrajja tal-Milied. Sabiex dan il-għan jiġġeded u jispira aktar nies f’soċjetà’ li kulma jmur tinbidel, is- sena l-oħra, il-grupp ħa deċiżjoni li jibdel il-preżentazzjoni ta’ din l-attività mill-għeruq billi jorganizza l-Presepju Suq u Mexxi.
Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni tal-Presepju Suq u Mexxi, il-Grupp, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali tax-Xaghra, Milied f’Għawdex u l-Għaqda Milied fix-Xagħra, se jerġa’ jorganizza din l-attività tal-Milied b’differenza.
Presepju Suq u Mexxi huwa proġett partikulari u jista’ jitqies bħala teatru ambulanti fil-miftuħ, uniku għall-gżejjer Malti. Triq Għajn Ħosna, li tagħti għall-bajja pittoreska tar-Ramla l-Ħamra, tinbidel f’xenarju mhux tas-soltu, fejn is-sewwieqa u passiġġiera jgħixu l-ġrajja tal-Milied minn ġol-vettura tagħhom. Din l-attivita’ tista’ titella biss bl-ghajnuna ta’ madwar 200 voluntier mix- Xagħra.
Ghal din is-sena l-ġranet tal-ftuħ se ikunu t-Tnejn 26, it-Tlieta 27 u l-Erbgħa 28 ta’ Diċembru 2016, mill-5:00 sal-10:00 ta’ bil-lejl. Filwaqt li d-dħul huwa b’xejn, ta’ min jinnota li l-presepju se ikun aċċessibli biss għall-vetturi żgħar b’minimu ta’ erbgha passiġġieri, min-Nadur minn Triq Għajn Qasab. Il-presepju mhux ser ikun aċċessibli min-naħa tax-Xagħra u ma jitħallewx jidħlu persuni bil-mixi, bir-roti jew b’vetturi kbar bħal xarabank jew minibus.