Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm nieda kampanja nazzjonali ġdida bit-tema ta’ “Super Donaturi”, li titfa’ lenti fuq il-bżonn tad-donazzjonijiet tad-demm biex ikunu salvati l-ħajjiet.
Il-kampanja ssellem lid-donaturi tad-demm kollha bħala super eroj, hekk kif b’donazzjoni waħda, individwu għandu l-potenzjal li jsalva minn tal-inqas tliet ħajjiet li jkunu f’periklu.
Waqt żjara fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne ltaqa’ ma’ wħud mid-donaturi u l-ħaddiema taċ-ċentru, li qasmu l-esperjenzi tagħhom li jixprunawhom biex jagħtu d-demm b’mod regolari, fl-istess waqt li jħajru lil sħabhom u lil qrabathom jagħmlu l-istess.
Chris Fearne rrimarka kif is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm dejjem ikun minn ta’ quddiem biex jaġġorna l-protokolli skont l-aħħar studji internazzjonali, u jinvesti f’magni innovattivi biex ikun possibbli li aktar nies jagħtu d-demm.
Huwa fakkar li s-sena li għaddiet, twessgħu l-parametri tal-eliġibilità tad-donaturi, biex illum, persuni ta’ kull orjentazzjoni sesswali jistgħu jagħtu d-demm.
“Il-budget tal-Gvern għall-qasam tas-saħħa jaqbeż il-biljun ewro. Budget li nużawh biex nixtru l-apparat, biex nibnu kliniċi, biex niftħu sptarijiet ġodda, biex inħallsu l-professjonisti tagħna – u dawn huma kollha flus essenzjali biex insalvaw il-ħajjiet. Madanakollu, minkejja dan l-equipment kollu, minkejja dawn il-professjonisti, xorta għandna bżonn il-ġenerożità ta’ ħafna Maltin u Għawdxin li jagħtu d-demm. Id-demm, minkejja l-avvanzi kollha fit-teknoloġija, għadu essenzjali biex isalva l-ħajjiet.”
Kull min huwa eliġibbli, huwa mħeġġeġ biex jiddedika ftit ħin mill-ġurnata u jagħti d-demm, biex ikun super eroj.
Għal aktar informazzjoni dwar l-iskeda tal-għoti tad-demm, wieħed jista’ jsegwi l-paġna fuq Facebook Blood Donation Malta.