Waqt is-Summit tal-Kunsill Ewropew, li qed isir fi Brussell, il-mexxejja Ewropej qablu dwar it-triq ’il quddiem għall-enerġija.
Dan il-ftehim bejn il-mexxejja Ewropej intlaħaq f’nofs ta’ lejl, wara sigħat twal ta’ negozjati.
Preżenti għal dan is-Summit li se jkompli matul il-jum tal-Ġimgħa hemm il-Prim Ministru Malti, Robert Abela.
F’dan il-ftehim, il-mexxejja Ewropej qablu kemm dwar ix-xiri volontarju tal-gass b’mod konġunt u anki li jkun hemm qafas temporanju tal-Unjoni Ewropea għal limitu massimu fil-prezz tal-gass.
Sal-bidu tas-sena d-dieħla jrid isir punt ta’ riferiment komplementari ġdid li jirrifletti b’mod aktar preċiż il-kundizzjonijiet fis-suq tal-gass.
Il-ftehim jinkludi wkoll titjib tal-funzjonament tas-swieq tal-enerġija sabiex tiżdied it-trasparenza tas-suq, sabiex b’hekk jittaffa l-istress tal-likwidita u jiġu eliminati fatturi li jżiedu l-prezzijiet tal-gass.
Il-mexxejja Ewropej qablu wkoll dwar miżuri għas-solidarjeta tal-enerġija f’każ ta’ waqfien mill-provvista tal-gass fil-livell nazzjonali, reġjonali jew tal-Unjoni Ewropea.
Dan il-ftehim se jwassal għal miżuri konkreti sabiex l-Unjoni Ewropea tiġġieled il-kriżi tal-enerġija, li splodew ’il fuq il-prezz tal-gass fl-Ewropa.
Dan hekk kif fix-xhur tax-xitwa, il-kriżi tal-enerġija se tkompli tintensifika, hekk kif se jkollok familji li jridu jagħżlu jekk għandhomx jixtru affarijiet biex jieklu jew biex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija biex isaħħnu djarhom.
Din il-kriżi tal-enerġija qed isseħħ minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Dan għaliex 40% tal-provvista tal-enerġija li ġġenerata bil-gass lejn l-Ewropa kienet ġejja mir-Russja. Bi sforzi fl-aħħar xhur mill-Unjoni Ewropea, il-provvista tal-gass ġejja mir-Russja naqset għal taħt l-10%.
Dan l-isforz sar hekk kif ir-Russja ta’ Vladimir Putin qed tuża l-enerġija bħala arma kontra l-Ewropa, minħabba l-pakketti ta’ sanzjonijiet li daħlet l-Unjoni Ewropew kontra l-Kremlin.
Il-mexxejja Ewropej qablu li l-Unjoni Ewropea se tibqa’ magħquda sabiex tħares lill-familji u n-negozji Ewropej u tieħu l-miżuri urġenti meħtieġa.
Apparti minn hekk, is-27 mexxej Ewropej qablu wkoll li l-istati membri għandhom iżidu l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija, f’infrastruttura tal-enerġija li tibqa’ valida fil-futur, fosthom bħal dawk ta’ interconnectors.
F’konferenza tal-aħbarijiet, wara l-ewwel ġurnata tas-Summit tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li dan il-ftehim fih tliet għanijiet. Dawn huma: li jkun hemm prezzijiet orħos, ġaranzija ta’ sigurta fil-provvista tal-gass u anki se tibqa’ għaddejja ħidma biex tonqos id-domanda.
AQRA WKOLL: