F’Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela għal darb’oħra tenna l-pożizzjoni ta’ Malta, dik favur il-paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani. Mal-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru sostna li din tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ waqfien mill-ġlied immedjat, ikkumplimentat bis-soluzzjoni taż-żewġ stati.
Din il-pożizzjoni kienet riflessa ukoll f’ittra, li ntbagħtet mill-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ tliet Prim Ministri oħrajn ta’ Spanja, l-Irlanda u l-Belġju, lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
Fl-istess ittra, il-firmatarji talbu wkoll li l-Kunsill jieħu pożizzjoni soda dwar il-Lvant Nofsani, anke biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ kredibbli fuq livell internazzjonali u konsistenti ma’ pożizzjonijiet li ħadet dwar konflitti oħrajn.
Mal-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li ma jistax ikun li nibqgħu naċċettaw atroċitajiet fuq popli innoċenti.
“Il-pożizzjoni kienet waħda ċara, daqskemm kien importanti s-sinjal li bagħtna lbieraħ lill-poplu Ukren li aħna solidali magħhom u dak hu messaġġ b’saħħtu mmens. Pretendejt illum u dak kien il-messaġġ ewlieni tiegħi li l-istess messaġġ ta’ tama kellna ngħadduh ukoll lil dawk kollha li qegħdin jgħaddu minn tant tbatijiet inġusti ġewwa l-Palestina, maġġorment ġewwa Gaza. Sfortunatament, minkejja li kellna diskussjonijiet li kieku tajbin ħafna, dawk id-diskussjonijiet ma waslux kif xtaqna aħna għall-konklużjonijiet bil-miktub. Flok saret konklużjoni min-naħa tal-Presidenza tal-Kunsill, dik il-mankanza. Xtaqt li kellna konklużjonijiet ċari u nemmen li kienu jibagħtu messaġġ b’saħħtu li huwa meħtieġ li l-ġlied jieqaf b’mod permanenti u tiġi ripprestinata l-paċi.”
Hawnhekk hu sostna li jeħtieġ li tiġi indirizzata b’mod immedjat is-sitwazzjoni umanitarja fl-Istrixxa ta’ Gaza, filwaqt li tiġi implimentata r-riżoluzzjoni, li mexxiet Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.
Fl-istess waqt li rrikonoxxa l-ħtieġa ta’ miżuri li jassiguraw is-sigurtà ta’ Iżrael, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jeħtieġ li nsaħħu l-Awtorità Palestinjana, permezz ta’ għajnuna finanzjarja u politika biex din tkun tista’ tmexxi l-Istrixxa ta’ Gaza u x-Xatt tal-Punent b’mod effettiv.
“Il-ħajja fl-Ukrajna tiswa daqs ħajja ġewwa Gaza u għalhekk biex inkunu ċerti li ma niġux akkużati b’double standards, meta qegħdin nitkellmu u nieħdu pożizzjonijiet bħala Kunsill Ewropew. Irridu nkunu sodi fil-messaġġ li nibagħtu u rridu wkoll konsistenti fil-messaġġ. Hemmhekk fejn insistejt bis-saħħa dwar l-importanza li mingħajr l-ebda inkonsiderazzjonijiet oħra. Irridu nibqgħu nibgħatu dan il-messaġġ b’saħħtu favur li tiġi rrepristinata l-paċi, favur li jkun hemm twaqqif permanenti tal-ġlied, li mhux aċċettabli li biex stat jiddefendi lilu nnifsu jkun hemm ritaljazzjoni li tkun waħda li tkun lil hinn mill-prinċipji tal-awto-difiża, li twassal għal tant għexiren ta’ eluf, qed nitkellmu madwar 20,000 persuna li huma stmati li tilfu ħajjithom, ħafna tfal u nisa.”
Fis-summit tal-Kunsill Ewropew intlaħaq qbil ukoll bejn il-mexxejja tal-istati membri li jinfetħu n-negozjati bi tħejjija għas-sħubija tal-Ukrajna u l-Moldova fl-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt li l-Georgia ngħatat l-istatus ta’ kandidat biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva din id-deċiżjoni bħala pass importanti fit-triq lejn riformi li se jqarrbu lil dawn il-pajjiżi lejn l-Unjoni Ewropea. Hu tenna li Malta se tibqa’ tagħti s-sostenn tagħha lill-poplu Ukren permezz ta’ għajnuna umanitarja.
Dwar ir-reviżjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea sal-2027 li fuqu ma ntlaħaqx qbil, il-Prim Ministru spjega l-pożizzjoni ta’ Malta li hemm bżonn ta’ pakkett ta’ inizjattivi li bihom jiġu ffinanzjati diversi prijoritajiet, mhux biss in-nefqa għall-għajnuna lill-Ukrajna.
F’dan is-summit, il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, uża l-veto kontra l-għajnuna finanzjarja ta’ €50 biljun lill-Ukrajna mill-Unjoni Ewropea.
Dwar dan is-suġġett, il-Prim Ministru saħaq dwar il-bżonn li d-dimensjoni Mediterranja ma tesperjenzax tnaqqis ta’ fondi fl-erba’ snin li ġejjin.
Dr Abela sostna li jeħtieġ li jkollna biżżejjed riżorsi għal f’investimenti li bihom nibnu relazzjonijiet strateġiċi ma’ pajjiżi fin-naħa ta’ fuq tal-Afrika u biex nsaħħu l-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin.
Id-diskussjoni dwar din ir-reviżjoni se tkompli f’summit ieħor tal-Kunsill Ewropew f’Jannar li ġej, hekk kif f’din il-laqgħa ma ntlaħaqx qbil.
At #EUCO I reiterated 🇲🇹's call for an immediate ceasefire in the Middle East. Long-term #peace can only be achieved by a Two-State solution. The atrocities against civilians must stop. The #EU's credibility is at stake if we fail to take a strong position on the conflict. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) December 15, 2023