Ftit mumenti qabel ma jibda s-summit informali fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, il-Kanċillier Angela Merkel u l-Prim Ministru Joseph Muscat kellhom laqgħa bilaterali f’Kastilja.
F’laqgħa li kellhom f’Berlin, bħala parti miż-żjarat uffiċjali bi preparazzjoni għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, iż-żewġ mexxejja qablu li l-immigrazzjoni hija sfida li qed tevolvi ma’ kull jum li jgħaddi speċjalment bis-sitwazzjoni tat-Turkija, in-nuqqas ta’ stabbiltà fil-Libja u r-rotta tal-Mediterran. Saħqu dwar il-bżonn ta’ djalogu u qbil mal-istakeholders kollha u semmew il-ħtieġa ta’ tqassim sew tal-piż tal-immigrazzjoni.
Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll dwar Brexit. Il-Prim Ministru Muscat fisser li Malta għandha rabtiet storiċi mar-Renju Unit, u hija favur ftehim ġust iżda li jkun inferjuri għal sħubija sħiħa mal-Unjoni Ewropea. Qal li dan huwa punt ta’ konverġenza fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż membru. Min-naħa tagħha l-Kanċillier Ġermaniż qalet li qed tistenna Artiklu 50 jidħol fis-seħħ mhux aktar tard minn Marzu li ġej.