Fi Brussell daħal fit-tieni jum tas-summit tal-Kunsill Ewropew bejn il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela.
Fuq nett tal-aġenda hemm id-diskussjoni dwar il-prezzijiet tal-enerġija li għolew b’mod allarmanti wara kriżi tal-enerġija minħabba l-pandemija, u li issa rriżultat f’żieda f’daqqa fid-domanda għall-enerġija.
Rapporti qed jgħidu li l-pajjiżi mhux jaqblu ma’ mekkaniżmi li jindirizzaw il-kriżi tal-enerġija, fosthom li tintlaqa’ proposta tal-Kummissjoni Ewropea favur xiri konġunt tal-fjuwil.
Pajjiżi ferm milquta mill-kriżi, bħall-Greċja, Spanja, il-Polonja u l-Ungerija jridu li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea jiġu addottati, b’pajjiżi oħra qed jappellaw għall-kalma hekk kif qed isostnu li din il-kriżi għandha tgħaddi sar-rebbiegħa li jmiss u allura ma hemmx ħtieġa ta’ miżuri radikali.
Fuq l-aġenda tad-diskussjonijiet hemm ukoll l-immigrazzjoni, il-bżonn li jintlaħaq qbil dwar ftehimiet kummerċjali, is-sitwazzjoni tal-Covid-19 u d-donazzjonijet tat-tilqim, kif ukoll l-impenn tal-Unjoni Ewropea sabiex taġġorna l-politika diġtali tagħha.
Matul il-jum tal-bieraħ, il-mexxejja Ewropej iddiskutew l-aġir tal-Gvern Pollakk fuq is-saltna tad-dritt.
Dan wara li deċiżjoni tal-Qorti Suprema Pollakka qalet li f’ċerti ċirkostanzi, il-liġi Ewropea mhix superjuri għal dik Pollakka.
Fl-istess ġurnata l-Parlament Ewropew għadda vot sabiex l-Unjoni Ewropea tieħu passi kontra l-Polonja.
Ritratt: AFP