Is-Summit bejn il-mexxejja Ewropej baqa’ inkonklusiv dwar min għandu jokkupa l-ogħla kariġi fl-Unjoni Ewropea.
Is-summit li beda l-Ħadd filgħaxija baqa’ għaddej matul is-sigħat bikrin tat-Tnejn u finalment il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ssospenda s-summit wara tmintax-il siegħa ta’ taħditiet.
Jidher li t-taħditiet kienu waslu fi stadju avvanzant fejn mhux biss il-blokk tas-Soċjalisti Ewropej u l-Liberali kienu qed jaqblu fuq l-isem ta’ Frans Timmermans iżda saħansitra l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Franċiż Emmanuel Macron laqgħu din il-kandidatura għall-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Madankollu f’daqqa waħda kollox inbidel ta’ taħt fuq hekk kif membri tal-Partit Popolari Ewropew irvillaw u wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għal din l-idea.
Aktar ismijiet bdew jissemmew għal karigi oħra fosthom għall-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Bulgara Kristalina Georgieva qed tissemma għall-flok Tusk hekk kif hi bħalissa qed tmexxi l-Grupp tal-Bank Dinji.
Ismijiet oħra li ssemmew huma tnejn mill-blokk tal-liberali, id-Daniża Margret Vestager u l-Prim Ministru Belġjan Charles Michel.
Dawn tal-aħħar huma fost il-favoriti li xi ħadd minnhom ikun ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Politika Barranija.
Dan filwaqt li Manfred Webber li kien hemm oppożizzjoni qawwija għalih biex ikun is-suċċessur ta’ Jean Claude Juncker, jista’ jkollu jikkuntenta bil-Presidenza tal-uniku istituzzjoni eletta fl-Unjoni Ewropea, dik tal-Parlament Ewropew.
Intant il-Prim Ministru Joseph Muscat kien fost il-mexxejja li kellu diversi laqgħat għolja f’dan is-summit.
Il-Prim Ministru Malti kien involut f’laqgħat formali ma’ Donald Tusk u ma’ mexxejja ġejjin mill-grupp tas-Soċjalisti Ewropej, hekk kif dan is-summit qed jiġi mlaqqam bħala konklavi kkumplikat li sa issa ma wassal għall-ebda deċiżjoni minkejja turrun ismijiet papabbli li jistgħu jagħtu direzzjoni ‘l quddiem lill-Unjoni Ewropea.