Summer On The Move. Għal sena oħra dan il-programm miftuħ għal kullħadd, kemm tfal u adulti, qed jagħti opportunità biex dan is-sajf niċċaqilqu daqsxejn.
Programm li fih hemm xejn inqas minn sebat elef persuna u fost dawn in-nies qed tixxettel namra sportiva.
Min għandu sitt xhur u min għandu erbgħa u tmenin sena. It-tnejn li huma għaddejjin b’xi attività sportiva waqt Summer On The Move. Tassew, anki trabi ta’ sitt xhur għaddejjin minn xorta ta’ attività waqt dan il-programm sportiv organizzat minn Sport Malta matul dan is-sajf.
Għal sena oħra, dan il-programm sportiv qiegħed ikun suċċess u hemm mas-sebat elef persuna li qegħdin jieħdu sehem u jirċievu għarfien fiżiku fuq xi dixxiplina sportiva. ONE News żar il-kumpless sportiv fil-Kottonera fejn stajna naraw żewġ dixxiplini sportivi li forsi s-soltu ma jkunux daqstant popolari iżda permezz ta’ Summer On The Move bosta qed jikkonkorru.
Waqt waħda mis-sessjonijiet tal-isparar tal-qaws spikka l-entużjażmu tat-tfal li għażlu sajf mimli attività fiżika u li żgur isservihom ta’ ġid għal saħħithom.
Il-kordinattriċi tal-programm Summer On The Move spjegat kif kemm filgħodu u anki filgħaxija qegħdin jittellgħu diversi sessjonijiet sportivi, f’kumplessi madwar Malta.
Saħqet li permezz ta’ dan il-programm sportiv fis-sajf, hemm min qed jibni namra ma’ dixxiplina sportiva li mbagħad ikompli jisaħħaħ fuqha fix-xitwa.