Uffiċjali Kadetti tal-Forzi Armati ta’ Malta, li fis-26 ta’ Jannar 2016 se jkunu ikkummisjonati fiċ-Ċentru tat-taħriġ tal-Forzi tad-Difiża f’Curragh l-Irlanda, flimkien ma’ oħrajn li bdew taħriġ f’Settembru 2016 u li se jigradwaw f’Jannar 2018 iltaqgħu mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali waqt żjara fl-Iralnda.
L-Irlanda u Malta għandhom relazzjoni kontinwa fil-qasam tat-taħriġ għal kadetti bi 32 Uffiċjal Kadett Malti jirċievu taħriġ fl-Irlanda mill-2009.
Il-Ministru Abela kien milqugħ bil-Kamp ta’ Curragh mill-Kulunel Jim Burns li f’isem il-Brigadier Ġenerali tah rendikont tat-taħriġ li qed jiġi offrut lil kadetti Maltin. Huwa ipproċeda lejn l-iskola tal-Kadetti f’Curragh, fejn kien milqugħ mill-Lieutenant Colonel Ian Bryne, Commanding Officer. Il-Ministru ingħata l-ispezzjoni tal-gwardja mill-kadetti tal-iskola kif ukoll mill-kollegi tagħhom Irlandiżi. O’Cdt Shaun Ciantar għamel preżentazzjoni qasira fejn semma’ l-perspettiva Maltija tal-benefiċċji ipprovduti ta’ dan it-taħriġ f’din l-iskola militari tat-taħriġ tal-Armata Irlandiża.
Il-Ministru Abela faħħar l-Uffiċjali Kadetti li huma mistennija jigradwaw il-ġimgħa d-dieħla wara li jkunu temmew b’suċċess it-92 klassi tal-Kadetti u kellu kliem ta’ kuraġġ għal dawk li bħalissa għadhom kif bdew it-tieni fażi tat-taħriġ bħala parti mit-93 klassi. “Matul dan it-taħriġ l-AFM qed takkwista suldati aħjar filwaqt li Malta qed ikollha irġiel u nisa aħjar”, qal il-Ministru. “Aħna grati lejn l-Irlanda talli joffru dawn l-opportunitajiet lil personnel militari żagħżugħ u nħarsu ‘l quddiem biex nesploraw modi ta’ kif insaħħu l-kollaborazzjoni bilaterali f’dan il-qasam”.
L-Uffiċjali Kadetti li se jigradwaw il-ġimgħa d-dieħla huma O’Cdt Manwel Borg, O’Cdt Mark Philip Borg, O’Cdt Eric Bonello, O’Cdt Shaun Ciantar, O’Cdt Andre Frendo u O’Cdt Jeremy Mangion. Dawk li għadhom għaddejin bit-taħriġ huma O’Cdt Rick Dimech, O’Cdt Kayleigh Gelfo, O’Cdt Clayton Gomez Blanco, O’Cdt Maria Gutiza, O’Cdt Christian Mifsud, O’Cdt Lindsey Pirotta, O’Cdt Keith Xuereb u O’Cdt Mariah Zammit.
Fl-Irlanda, il-Ministru Abela kellu l-opportunità li jagħmel żjara fil-kulleġġ ta’ Garda, iċ-ċentru nazzjonali għat-taħriġ tal-Pulizija, l-iżvilupp u l-edukazzjoni li jinsab f’Templemore. Huwa kien milqugħ mil-Kap Supretendent Margaret Nugent u s-Supretendent Brian Conway li spjega l-oqsma tat-taħriġ f’dan iċ-ċentru u tah dawra mal-faċilitajiet.