Suldat Iżraeljan li deher fuq filmat joqtol aggressur Palestinjan ferut, instab ħati ta’ qtil.
Is-Surġent Elor Azaria, li għandu għoxrin sena, spara f’ras Abdul Fatah al-Sharif ta’ wieħed u għoxrin sena, waqt li dan tal-aħħar kien mixħut mal-art bla ma jiċċaqlaq.
Il-każ seħħ f’Hebron f’Marzu li għadda, wara li suldat qala daqqiet ta’ sikkina. Azaria qal li ħaseb li Sharif jista jkun li kellu flokk bl-isplussivi, iżda l-prosekuturi qalu li l-iskop tiegħu kien ta’ tpattija.
B’rabta mal-proċess fil-Qorti kien hemm diversi rallies u numru ta’ politiċi li appoġġjaw lis-suldat.
Madanakollu, figuri militari għolja mill-ewwel qalu li l-azzjonijiet tiegħu ma kienux jirriflettu l-valuri tal-Forzi tad-Difiża Iżraeljana.