Suella Braverman irriżenjat mir-rwol tagħha bħala Ministru tal-Intern wara laqgħa li kellha wiċċ imb’wiċċ mal-Prim Ministru Liz Truss.
It-telfa ta’ waħda mill-Ministri ewlenin tagħha se żżid it-taqlib fil-gvern tar-Renju Unit, hekk kif Liz Truss qed tiffaċċja skuntentizza mifruxa fost il-Membri Parlamentari tagħha.
Fi rivelazzjoni sorpriża, Liz Truss ikkonfermat li se tgħolli l-pensjonijiet tal-istat skont l-inflazzjoni (bħalissa ‘l fuq minn 10%) is-sena d-dieħla. B’differenza mill-pensjonanti, Truss ma wegħditx l-istess impenn lejn dawk li jirċievu benefiċċji statali, meta mistoqsija jekk humiex se jogħlew ukoll bl-inflazzjoni.
Ir-riżenja ta’ Braverman għadha ma ġietx spjegata uffiċjalment, iżda li hu ċert hu li huwa t-tieni tluq mill-Kabinett f’inqas minn ġimgħa, wara t-tkeċċija tal-Kanċillier Kwasi Kwarteng.