Sudaniż ta’ 28 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-qtil li seħħ il-Ħadd filgħaxija fil-Marsa.
Al Mary Ezzo Saeed tressaq quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, it-Tnejn wara nofsinhar.
Huwa kien akkużat bil-qtil ta’ persuna, li għadha mhux identifikata, li ġarr fuqu sikkina mingħajr permess u li kiser il-paċi pubblika, fost l-oħrajn.
Minn informazzjoni li ġiet mgħoddija fil-Qorti, l-akkużat ġie arrestat mill-Pulizija wara li huwa kien miżmum minn persuni xhieda tal-allegat omiċidju fuq il-post.
Il-vittma f’dan il-każ sofra minn erba’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru u waħda f’dahru. Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku fuq il-post, fejn hemmhekk beda jingħata s-CPR.
Madankollu huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara, hekk kif ittieħed l-isptar Mater Dei.
F’dan l-istadju d-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest hekk kif l-imputat m’għandux fejn jgħix.
AQRA AKTAR: