Sudaniż ta’ 28 sena ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta mal-omiċidju fil-Marsa lbieraħ.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li kien għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija seħħet ġlieda b’sikkina bejn żewġ persuni fi Triq Patri Feliċjan Bilocca, il-Marsa.
Immedjatament fuq il-post marru l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit fejn ġie nnutat li kien hemm raġel mixħut mal-art, mitluf minn sensih u bi ġrieħi kkawżati minn strument li jaqta’ u bil-ponta.
Il-Pulizija qalet ukoll kif il-vittma għadu ma ġiex identifikat.
Il-vittma nstab li kellu erba’ daqqiet ta’ sikkina, kemm f’sidru u kif ukoll f’dahru.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku fuq il-post, fejn hawnhekk beda jingħata s-CPR fuq il-post.
Wara ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza, iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Ftit tal-mumenti biss wara din il-ġlieda b’sikkina, il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit wasslet sabiex ir-raġel l-ieħor involut f’din il-ġlieda ġie arrestat.
Fil-pussess tas-Sudaniż instabet ukoll sikkina, li allegatament intużat f’dan l-argument.
L-allegat aggressur qed jinżamm fil-lockup tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar stħarriġ.
Nifhmu li l-Pulizija fis-sigħat li ġejjin jew għada, sa 48 siegħa mill-arrest tal-allegat aggressur se jkun qed jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan is-sitt omiċidju ta’ din is-sena.
B’dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo. Dan filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Ħamrun dwar dan l-omiċidju għadhom għaddejjin.