Il-ġimgħa li għaddiet rat lil Clubs Maltin GREE Sliema Hotsticks u Qormi Daikin jiksbu riżultati ta’ suċċess fil-Kampjonati tal-EuroHockey organizzati mill-Federazzjoni Ewropea tal-Hockey.
GREE Sliema Hotsticks waslu sal-finali tal-kampjonat EuroHockey Club Challenge II Irġiel li sar il-ġimgħa li għaddiet fit-Turkija. Dan huwa l-ogħla livell ta’ kompetizzjoni internazzjonali li qatt laħaq tim Malti. Sliema rebħu l-grupp tagħhom għal kollox bl-inqas gowls li sofrew matul il-kampjonat. Huma ffaċċjaw timijiet mil-Lussemburgu, il-Finlandja u l-Isvezja. Huma tilfu l-finali 1-2 kontra Epitok HC tal-Ungerija b’gowl tal-aħħar minuta.
Il-President tal-klabb ta’ Sliema Andrei Imbroll ikkummenta li s-suċċess li wasal għall-finali f’dan il-livell għoli juri li l-logħba Maltija hija ta’ livell għoli u jħeġġeġ lill-klabb u lill-hockey Malti biex ikomplu jiżviluppaw.
Qormi Daikin rebħu l-finali tal-kampjonat EuroHockey Club Challenge III Irġiel li sar il-ġimgħa li għaddiet f’Ġibiltà. Din hija t-tieni darba konsekuttiva li Qormi rebħu l-finali ta’ Challenge III wara li rebħuha wkoll is-sena l-oħra. Huma ffaċċjaw timijiet minn Ġibiltà, il-Bulgarija, l-Isvezja u l-Finlandja. Fil-finali għelbu lil HC Kilppari tal-Finlandja 5-1.
Il-kowċ Andre Ghio ikkummenta li kien kburi ħafna bl-iskwadra tiegħu. Qal li s-suċċess internazzjonali minn sena għal sena kien riżultat ta’ kwalità tal-plejers kif ukoll xogħol iebes u determinazzjoni mill-iskwadra kollha inkluż is-support staff.
L-ewwel umpire Malti jmexxi fil-finali tal-Euro
F’suċċess ieħor, l-umpire Edward Hughes sar l-ewwel umpire Malti li ikkontrolla finali internazzjonali tal-kompetizzjoni Ewropea tal-Hockey. Edward Hughes inħatar biex jmexxi t-tieni partita finali fil-EuroHockey Club Challenge III Men f’Ġibiltà. Il-partita kienet bejn Eagles HC ta’ Ġibiltà u Zuvedra Tauras tal-Litwanja. Din il-ħatra prestiġjuża hija kreditu
għall-ħiliet u l-professjonaliżmu ta’ Hughes fl-arbitrjar kif ukoll l-istandards tal-grupp ta’ umpiring Malti.
Il-President tal-Hockey Association Malta Gordon Mifsud ikkummenta li dawn is-suċċessi jikkonfermaw l-istandards għoljin li l-klabbs u l-hockey Maltin kisbu. Dan huwa r-riżultat ta’ xogħol iebes u sforzi li saru minn dawk kollha involuti fl-isport. Żied jgħid li l-isport jixraqlu li jingħata appoġġ sħiħ.