Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Federazzjoni Maltija tal-Judo kienet qed tospita l-Kampjonati tal-Commonwealth tal-Judo. Għaddew 30 sena minn meta Malta ospitat dawn il-Kampjonati.
L-iżgħar Judoka li ħarġu fuq t-tatami kienu l-Pre Cadets, żgħażagħ ta’ 13-il u 14-il sena, Camilleri Kyle, Mintoff Miguel, Arnaudez Alicia u Arnaudez Isabella. Fis-46kgs Miguel rebaħ midalja tal-bronż, u Kyle ġie fir-4 post wara li għeleb lil Hanneman mill-Afrika t’Isfel. Alicia telgħet fil-kategorija ta’ wara hekk peress li l-kategorija tagħha ma kinitx ikkontestata u kkontestat it–48kgs ma’ oħtha Isabella, li rebħet il-midalja tal-fidda. It-taħriġ kompetittiv li kienu qed jagħmlu s-subien taħt it-tmexxija tal-Kowċ Nazzjonali tal-Kadetti Francesco Aiello li nħatar dan l-aħħar diġà beda jagħti r-riżultati, meta s-subien remgħu lill-avversarji tagħhom b’teknika meraviljuża.
Is-sessjoni ta’ wara kienet dik tal-Kadetti Judoka: Magro Marthea, Ibnass Samy u Overend Antonio. Overend rebaħ midalja tal-fidda fis–66kgs wara li għeleb lil Goldie Logan mill-Iskozja.
L-għada, kien imiss lill-Judoka Junior u Senior. Fil-kategorija Junior rajna lill-atleta tat-Tim Nazzjonali Khalaf Sadek u r-ritorn ta’ Spiteri Daniel Lawrence. Khalaf rebaħ midalja tal-bronż wara li għeleb lil Price Evan minn Wales.
Il-qofol tas-sensiela tal-Kampjonati tal-Commonwealth 2024 wasal bis-sessjoni tal-kbar. Id-delegazzjoni Maltija kienet magħmula minn 9 Judoka, u inkludiet elementi mill-iskwadra elite, atleti li kkompetew internazzjonalment iżda mhux fiċ-ċirkwit uffiċjali, u atleti li kkompetew internazzjonalment għall-ewwel darba f’dan l-avveniment.
Esposito Katryna telgħet fuq il- quċċata tal-podju tat-48kg, wara li rebħet iż-żewġ logħbiet tagħha. Zahra James kien ferm viċin li jirbaħ id-deheb tiegħu, madankollu, fl-aħħar logħba tiegħu, żball sempliċi swielu d-deheb u kellu jissetilja għall-midalja tal-fidda fis-60kgs. Khalaf Sadek ikkontesta wkoll il-kategorija tal-kbar, li kienet ikkontestata minn 5 judoka. Wara li għeleb lir-rebbieħ tal-kategorija mistenni, Garvit mill-Indja, Khalaf kien il-favorit tal-kategorija. Madankollu tilef il-logħba kontra l-Judoka tal-Irlanda ta’ Fuq Murray Ewan. Eventwalment, Garvit, Murray u Khalaf spiċċaw bi 3 rebħiet kull wieħed. Khalaf kellu jissetilja għall-midalja tal-bronż wara li l-Indjan u l-Irlandiż ta’ Fuq għelbuh fin-numru ta’ punti u l-iqsar tul tal-kompetizzjonijiet. Zerafa Thomas John u Muscat Alessio rebħu logħba kull wieħed. Gatt Jonathan, Grech Alec, Saliba Mathea, u Catania Francesca kienu l-kompetituri l-oħra Maltin.
Is-6 ta’ April ħabat ukoll mal-Jum Internazzjonali tal-Isport għall-Iżvilupp u l-Paċi. Il-parteċipanti kollha mill-kategoriji Pre Cadet u Cadet, uffiċjali u voluntiera, u ż-żgħażagħ Judoka Maltin li kienu għadhom kif irċevew iċ-ċertifikati tal-gradwazzjoni tagħhom, ipparteċipaw fl-isfida #whitecard, li hija data li tiċċelebra l-qawwa tal-isport biex tinbena dinja paċifika. Hija data li tiġbor in-nies madwar sehem komuni: li l-isport għall-paċi jsir prijorità!
Ringrazzjament speċjali jmur lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Visit Malta, Sportmalta, Myjudobacknumber, Judomanager, u H20.