L-Inġiniera Michelle Cortis hija l-ewwel inġiniera Maltija eletta fil-Bord Eżekuttiv tal-European Federation for National Engineering Associations (FEANI), li għalih se sservi għal tliet snin.
L-Inġiniera Maltija issa tirrappreżenta ir-Reġjun tan-Nofsinhar fi ħdan din l-Assoċjazzjoni, u ġiet eletta b’maġġoranza assoluta ta’ 85% tal-voti eliġibbli fl-Assemblea Ġenerali tal-FEANI li saret nhar il-Ġimgħa. Dan ir-riżultat pożittiv isegwi l-co-option tagħha fil-Bord Eżekuttiv, liema pożizzjoni ġiet ikkonfermata permezz tal-elezzjoni li saret matul l-Assemblea Ġenerali tal-FEANI, li għaliha attendew 31 pajjiż.
Bħala rappreżentanta ta’ Malta fil-FEANI, l-Assoċjazzjoni Inġiniera Malta ferħet lill-Inġiniera Michelle Cortis u innotat li għalkemm Malta kienet rappreżentata b’mod attiv fuq FEANI permezz tal-Kamra tal-Inġiniera (CoE) mill-1981, qatt ma kienet rappreżentata f’livell ta’ Bord Eżekuttiv.
Inġ. Michelle Cortis ilha sservi bħala Membru tal-Kunsill u Segretarju Internazzjonali tal-Eżekuttiv tal-Kamra tal-Inġiniera għal dawn l-aħħar erba’ snin.
“Din l-elezzjoni tiftaħ kapitlu ġdid fil-relazzjonijiet internazzjonali tal-professjoni tal-inġinerija f’Malta”, qalet Inġiniera Malta.