Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Cardona sostna li Il-Partit Laburista hu l-partit tas-suċċess għaliex iħoss il-polz tal-poplu. Hu kien qed jitkellem waqt sessjoni plenarja tal-Konferenza Ġenerali Annwali.
“Din tirrifletti l-enerġija ta’ Gvern li jifhem x’inhuma l-problemi tal-pajjiż, u li ma jaqtax qalbu quddiem dawn l-isfidi. Il-poplu jemmen li dan huwa Gvern b’saħħtu u magħqud, li ma jidħaqx bin-nies.”
Enfasizza kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat se jibqa’ mfakkar bħala Gvern li biddel ir-rotta ekonomika ta’ pajjiżna u li ttrasforma lil pajjiżna f’art tal-opportunitajiet. Min-naħa l-oħra, irrefera għall-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni, li aktar minn sena ilu wegħdna New Way. Iżda sal-lum, din in-New Way mhu tinħass xejn.
“Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jittieħed bis-serjeta hemm bżonn jieqaf ifassal il-politika tiegħu fuq falzita u attakki negattivi”, qal Dr Cardona.
Finalment, saħaq li l-għażla prinċipali li jridu jagħmlu n-nies fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew hija għażla bejn “nies li l-ikbar achievement tagħhom kien li ħamġu isem pajjiżna, jew nies li jmorru quddiem l-Unjoni Ewropea b’sens ta’ kburija u jaħdmu biex jgħollu isem pajjiżna”, temm jgħid id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.