It-tim tal-futbol nazzjonali tan-nisa ta’ taħt is-16-il sena ħarġu bid-daqq tat-trombi mill-UEFA Youth Girls Development Tournament.
Dan hekk kif rebħu kull logħba li kellhom u kklassifikaw l-ewwel fil-grupp tagħhom.
It-tim Malti rebaħ kull logħba b’mod konvinċenti hekk kif fi tlett logħbiet skurjaw sittax-il gowl u qalgħu biss gowl wieħed.
Rebħu kontra l-Ġibiltà 5-1 u kontra l-Andorra 7-0 filwaqt li l-iktar rebħa riċenti ġiet kontra l-Albanija, bl-iskor ta’ ta’ 4-0.
Waqt żjara fil-berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar l-impenn, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju ta’ dan it-tim.
Il-Prim Ministru qal li jinsab konvint li l-ikbar suċċessi f’Malta f’livell internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ futbol ser jinkiseb l-ewwel mit-timijiet tan-nisa.
Ma’ ONE News id-Direttur tal-futbol tan-nisa fi ħdan l-MFA Pierre Brincat tkellem dwar l-appuntamenti li jmiss għal din l-iskwadra.
“Fadlilna x’naqdfu għax issa l-qualifiers li ġejjin huma ta’ livell ħafna iktar ogħla. Ġejna ma Franza, Iceland u Belarus li huma ta’ livell għoli ħafna jiġifieri rridu noqogħdu saqajna mal-art nippreparaw u nippruvaw dejjem nitilgħu bil-mod il-mod,” qal is-Sur Brincat.
Tkellmet magħna wkoll il-captain tat-tim nazzjonali, Maya Lucia. Filwaqt li ddeskriviet din l-esperjenza mat-tim nazzjonali bħala indimentikabbli, Maya tenniet li mhux dejjem faċli toħloq bilanċ bejn il-ħajja skolastika u sportiva. Madankollu saħqet li b’determinazzjoni u sagrifċċju l-ħolma tagħha qed issir realtà.
“Hija diffiċli ħafna, ħafna minnha jkollna training ħames darbiet fil-ġimgħa u jkollna logħob darbtejn fil-ġimgħa jiġifieri kuljum b’xi ħaġa. Trid taħdem għal li trid tagħmel prijoritajiet u tagħmel sagrifiċċji ma tistax toħroġ kuljum u trid toqgħod attenta imma fl-aħħar mill-aħħar worth it meta jkollok esperjenza bħal dawn,” qalet Maya Lucia.
Preżenti wkoll waqt iż-żjara tat-tim nazzjonali s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima. Saħaq li għalkemm qatt ma huwa biżżejjed dawn l-aħħar riżultati qed ikomplu jikkonfermaw progress fil-qasam sportiv f’pajjiżna.