L-Aġenzija Identity Malta rreġistrat rispons qawwi għas-sistema onlajn għall-appuntamenti li nediet dan l-aħħar għal servizzi relatati mal-Uffiċċju tal-Passaporti. F’temp ta’ xahar ġew irreġistrati aktar minn 3,500 appuntament.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Identity Malta, il-Kulunell Mark Mallia, qal li l-għan ta’ din il-bidla huwa li l-klijent jinqeda fi żmien qasir, u b’mod effiċjenti u konvenjenti.
Mallia qal, “Issa li bdew jitneħħew u kważi tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha marbutin mal-ivjaġġar wara l-pandemija tal-Covid, ovjament dak li jkun jibda jara iktar safar ovjament fuqna, fuq l-uffiċjal tal-passaporti jibda jikber ħafna u bdejna naraw kif nistgħu nittekiljaw din is-sistema. Introduċejna online system billi bniedem bil-kumdità ta’ daru stess jista’ jidħol fuq is-sit tagħna ta’ Identity Malta u jibbukja biex jagħmel passaport jew inkella jġedded il-passaport. U dan jista’ jagħmlu mill-kumdità ta’ daru anka billi jagħżel slots meta huma konvinjenti għalih, jiġifieri jara meta l-aħjar għalih u jiġi fl-uffiċini tagħna u fi żmien kwarta u għoxrin minuta jinqeda ikun ħa s-servizz dak li jkun talab għalih. Aħjar milli joqgħod f’ques twal. Ovjament hija sistema li ntlaqat tajba ħafna filfatt rajna fi żmien xahar li ilna li ntroduċejniha rajna ‘l fuq minn tliet elef u ħames mitt applikazzjoni. Bniedem jista’ jew japplika biex jagħmel passaport ġdid jew inkella jġeddu u anka jista jerġa japplika għall-kumdità tiegħu jagħżel slot hu biex ovjament imur jiġbor il-passaport.”
Permezz ta’ din is-sistema onlajn, applikant jista’ jagħżel li jagħmel appuntament individwali, kif ukoll fi gruppi, bħal pereżempju, f’każ li aktar minn membru ta’ familja wieħed ikun jinħtieġ li japplika għal passaport ġdid. La darba l-appuntament jiġi stabbilit, l-applikant jiġi infurmat bid-dokumenti li jkun irid iġib miegħu dakinhar tal-appuntament.
Bil-ħsieb li l-klijenti jinqdew bl-aktar mod effiċjenti, l-Uffiċċju tal-Passaporti qed jestendi anke l-ħinijiet tal-ftuħ, fil-ħinijiet ta’ waranofsinhar. Apparti nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Sibt, l-Uffiċċju tal-Passaporti qed jiftaħ ukoll kull nhar ta’ Tnejn u l-Ġimgħa bejn it-tlieta ta’ wara nofsinhar u s-sitta ta’ filgħaxija. Dawn il-ħinijiet ġodda qed jagħtu l-opportunità sabiex applikanti li jaħdmu jew li għandhom it-tfal li jmorru l-iskola jinqdew f’ħinijiet komdi għalihom.
L-Aġenzija Identity Malta qed tippjana li fil-ġimgħat li ġejjin tkompli testendi s-sistema ta’ appuntamenti onlajn fuq numru ta’ servizzi essenzjali oħra illi toffri.
Huwa stqarr, “Qed nestenduha għal sezzjonijiet oħra wkoll. Ovjament l-intenzjoni tagħna hi li l-klijenti tagħna ikunu moqdijin mill-kumdità ta’ darhom bl-aktar mod effettiv u effiċjenti.”