Ħafna Maltin u Għawdxin sebħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għall-open day, organizzata mill-Partit Laburista l-Ħadd. Fil-qofol ta’ din l-attività ukoll kien hemm il-wirja storika bl-isem ta’ ‘Kapitlu Ġdid’, li qed tirrakkonta fatti dwar it-twelid tal-Partit Laburista nnifsu li ma kinux magħrufin sal-lum il-ġurnata.
Fl-istess okkażjoni, bosta ħadu l-opportunità li jġeddu jew saħansitra jinkitbu għall-ewwel darba bħala membri fi ħdan il-Partit Laburista.
Il-pubbliku numeruż, li attenda kellu ċ-ċans li jitkellem ma’ esponenti ewlenin fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, inkluż il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, membri mill-Kabinett tal-Ministri u kandidati, bħal dawk għall-elezzjonijiet tal-kunsilli u tal-Parlament Ewropew.
Hawnhekk, il-Prim Ministru wkoll iddedika ħin jiffirma l-kommemorazzjoni ta’ tifkira li tqassmet b’xejn lil kull min attenda.
Għadd ta’ persuni, fosthom żgħażagħ ukoll niżżlu isimhom biex joffru ħinhom u jkunu ta’ għajnuna għall-Partit Laburista bħala voluntieri, inkluż fil-kampanja elettorali li ġejja.
ONE News iltaqa’ mal-pubbliku li kien preżenti f’din l-open day li kienet suċċess kbir.