F’Dar il-Mediterran ittella’ b’suċċess kunċert organizzat mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, fi ħdan Festivals Malta, fl-okkażjoni tal-45 anniversarju mill-kisba tal-ħelsien. L-ispettaklu ra s-sehem ta’ wħud mill-aqwa talenti lokali, flimkien mal-orkestra taħt id-direzzjoni artistika ta’ Paul Abela.
Uħud mill-kantanti kienu jinkludu lil Mary Spiteri, Ludwig Galea, Jasmine, Dario Bezzina, JANVIL, Jade, Tiziana u Klinsmann Coleiro.
Antonella Axisa u Clare Agius ippreżentaw is-serata u ħadu l-udjenza lura fiż-żmien f’lejla ta’ nostalġija b’dak kollu li hu Malti.
L-artisti ppreżentaw lejla ispirata minn lista tal-aqwa għoxrin kanzunetta tas-sebgħinijiet f’pajjiżna, li kienet ġiet ippreżentata mix-xandar Michael Laus, flimkien ma’ diversi kanzunetti Maltin.
Is-serata kienet ċelebrazzjoni mhux biss tal-Ħelsien, imma ta’ diversi elementi marbutin ma’ aspetti ta’ pajjiżna.
Waqt is-serata tqassmu tifkiriet kommemorattivi mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, lill-membri tal-kumitat organizzattiv li kien twaqqaf mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien il-Perit Duminku Mintoff biex jiġu organizzati ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ nhar il-31 ta’ Marzu 1979.
“Irrid ngħid li dawn huma avvenimenti li jkomplu jsaħħu dak li jagħmilna Maltin, għax meta nimmarkaw avvenimenti storiċi, inkunu qed nitkellmu mhux biss dwar il-passat, imma anke qed nitkellmu dwar kif dan jorbot fuq il-futur, pereżempju tema importanti ħafna kienet dik tal-paċi li kienet relevanti fl-1979 u għadha relevanti ħafna llum.”
Dan il-kunċert se jkun qed jintwera fuq l-istazzjon TVM News+ il-Ħadd 28 ta’ April fid-9:00 ta’ filgħaxija.
Iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal kif issa tissokta l-ħidma biex f’Settembru li ġej jitfakkar is-60 sena minn meta pajjiżna kiseb l-Indipendenza u mbagħad festa kbira wkoll nazzjonali f’għeluq il-50 sena anniversarju ta’ Malta Repubblika fit-13 ta’ Diċembru li ġej.