Iktar minn 220 persuna anzjana u vulnerabbli gawdew mill-inizjattiva, ‘Naħseb Fik’. Din hi t-tielet edizzjoni ta’ din l-kampanja fi żmien il-Milied.
“Din hi inizjattiva qawwija ta’ solidarjetà mal-anzjani u nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna,” qalet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt li nnutat ir-rispons qawwi li kien hemm fi ftit ġimgħat minn mindu nediet din il-kampanja. Hija qalet li permezz ta’ kampanja bħal din u oħrajn simili li jiġu organizzati, tista’ tintwera solidarjetà aktar diretta bejn il-ġenerazzjonijiet fil-familja u fil-komunità.
Hija żiedet tgħid li din l-inizjattiva kompliet tħeġġeġ aktar sens ta’ dmir fil-familji nfushom u fl-istess ħin toħloq kuxjenza pubblika biex tikkumbatti jew tikkumpensa għal sitwazzjonijiet ta’ solitudni u oħrajn ta’ tbatija.
Il-Ministru Justyne Caruana raddet ħajr lil dawk kollha li kienu pronti jwettqu x-xewqat ta’ iktar minn 220 persuna fosthom anzjani u vulnerabbli, billi offrew ir-rigali li ġew indikati. Hija ddeskriviet dan is-suċċess bħala turija ta’ solidarjetà fost nies, li għalkemm ma jafux lil xulxin, xorta jħossu r-rabta tal-għożża umana f’dawn il-jiem tal-festi.