Erba’ atleti żgħażagħ Għawdxin, li l-età tagħhom tvarja bejn is-6 u t-13-il sena, ipparteċipaw b’suċċess fit-tellieqa Ironkids li saret f’ Friedberg, fil-Ġermanja.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ferħet lil dawn l-atleti promittenti li sa minn età żgħira qed juru potenzjal fejn diġà qed jagħmlu isem għalihom u għal pajjiżna.
Il-Ministru Caruana fakkret kif is-settur tal-isports f’Għawdex qed jingħata l-attenzjoni li tixraqlu permezz ta’ proġetti kapitali importanti, ewlenin fostom il-pixxina, kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna lill-atleti li jitħarrġu f’Malta. Il-Ministru għal Għawdex tennet l-impenn tagħha biex tkompli tassisti s-setturi kollha sportivi fil-gżira Għawdxija fejn illum il-ġurnata, it-tfal u żgħażagħ qed ifittxu dixxiplini sportivi differenti minn dawk li tradizzjonalment aħna mdorrija bihom. Hi rringrazzjat ukoll lill-Gozo Sports Board li bil-ħidma tagħhom qed jintroduċu għadd ta’ dixxiplini ġodda għall-għażla tal-isportivi Għawdxin.
Il-Ministru Justyne Caruana rrikonoxxiet il-parteċipazzjoni ta’ Jake Micallef, Chylen Fava, Kai Debono u Mickaya Fava.