L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Rockestra, b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, kienet l-akbar waħda taħt il-Presidenza tal-President George Vella.
Eluf ta’ nies attendew għall-ispettaklu mill-isbaħ li ttella’ s-Sibt filgħaxija fl-MFCC f’Ta’ Qali, bis-sehem ta’ aktar minn għoxrin kantant u kantanta u anki l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Fi stqarrija, il-President ta’ Malta, George Vella, qal li t-tħejjijiet li saru din is-sena wasslu għal attendenza numeruża, li flimkien mal-organizzazzjoni professjonali, irriżultaw f’entużjażmu kbir fost l-udjenza li attendiet.
Id-Direttur Mużikali ta’ Rockestra, Aurelio Belli, li huwa wkoll ibbenefika mill-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund, qal li Rockestra rnexxielha tirrifletti t-tema magħżula, “More Than A Feeling”, f’dak li ddeskriva bħala vjaġġ ta’ ħafna emozzjonijiet b’mużika rock mis-snin sebgħin sal-lum.
Id-Direttur Artistiku ta’ Rockestra, Pawlu Borg Bonaci, qal li jinsab sodisfatt ħafna li minkejja li għaddew ħmistax-il sena mill-ewwel edizzjoni ta’ dan il-kunċert, in-nies baqgħu jattendu bi ħġarhom.
Biex b’hekk, ittellgħet edizzjoni oħra suċċess ta’ Rockestra, fejn eluf ħadu gost bil-mużika fl-istess waqt li għenu lil min hu fil-bżonn.