Grupp ta’ atleti Għawdxin membri tal-Athletix Ac Gozo ħadu sehem b’suċċess kbir fi Spoleto Urban crossing 20km. Din il-parteċipazzjoni kienet possibli wara stedina li saret lil Klubb Għawdxi minn Joe Bajada li kien il-leader tal-grupp kollu li mar fir-reġjun tal-Umbria bħala parti mill-Programm Erasmus + ‘SportGiveChance’ li applikaw għalih mal-Unjoni Europea l-Municipalita ta’ Spoleto. F’dan il-programm saru attivitajiet tal-atletika, kif ukoll ċikliżmu fejn mal-grupp issieħbu wkoll ħdax il-ċiklista Malti li ħadu sehem f’diversi tiġrijiet kemm tar-Road, kif ukoll tal-Mountian Bike.
L-atleti Għawdxin ħadu sehem fit-tiġrijiet li saru fiċ-ċentru storiku ta’ Spoleto fuq disa’ dawriet ta’ 2.2km li għaddew minn toroq li kienu jinkludu mal-75 tarġa kull darba. Dan għamel ir-rotta mill-iktar diffiċli. Madankollu l-Għawdxin dehru ferm determinati li jiksbu riżultati tajba fejn hawn spiċċaw iddominaw il-kategorija feminili fejn Felicienne Mercieca spiċċat ir-rebbieħa b’ħin ta’ 1:34:14. Warajha spiċċat Laura Caproricci ta’ Assisi Runners ASD (1:35:10) u t-tielet post inkiseb mill-Għawdxija Jolene Debattista (1:38:29). L-Għawdxija l-oħra Charla Pia Vella spiċċat fir-raba’ pożizjoni f’ħin ta’ 1:41:22. Minn naħa l-oħra, Miriam Camilleri spiċċat bħala l-ewwel mara fil-kategorija tal-40 + f’ħin ta’ 1:48:52.
Fil-kategorija Maskili, Leigh James Marshall tal-istess Athletix Ac Gozo spiċċa fit-tielet post f’ħin ta’ 1:23:34. Din il-kategorija ntrebħet minn Elwis Pieller ta’ Polosportiva Santorso Aosta (1:15:54), filwaqt li t-tieni daħal Fabio D’Atanasio ta’ Valore Salute, Forti e Veloci (1:19:31).
Diversi klubbs u għaqdiet internazzjoni ħadu sehem. Dawn kienu jirrappreżentaw lill-Italja, Bulgarija, Republika Ċeka, Ċipru, Krozja, Franza, Ġermanja, Greċja, Malta, Olanda, Polonja, Portugall, Rumanija, Slovenia, Spanja, Turkija u l-Ungerija.