Suċċess għaċ-ċiklisti Maltin fit-8 edizzjoni tal-Giro d’Italia Amatori meta dan l-aħħar it-tim nazzjonali Malti f’Perugia ħa sehem fi tliet tiġrijiet fejn kisbu riżultati ferm tajbin. It-tim li kien immexxi mis-Segretarju Ġenerali tal-Federazjoni Maltija taċ-Ċikliżmu Joe Bajada kkompeta fl-ewwel tappa kienet Time Trial f’Santa Maria degli Angeli f’Assisi fuq distanza ta’ 8 km. It-tieni tappa kienet Road Race f’Torgiano filwaqt li t-tielet tappa kienet Road Race ohra f’Pretola.
Fil-klassifika ġenerali ċ-ċampjin Maltija Marie Claire Aquilina rebħet it-Time Trial biex ħadet il-flokk ir-roża. Imbagħad fiż-żewġ tiġrijiet ta’ wara hija kklassifikat darbtejn fit-tieni post, pożizzjoni li żammet fil-klassifika ġenerali għal ħin total ta’ 04:39:40.
Mill-Irġiel l-aħjar li mar kien Christian Formosa li spiċċa t-tieni fil-klassifika ġenerali tal-Elite b’ħin total ta’ 04:15:30. Alexander James Smyth spiċċa fir-raba’ pożizjoni tal-klassifika ġenerali fil-kategorija tal-Masters 1 b’ħin total ta’ 04:18:34.
Maurice Formosa għamel ħin total ta’ 04:15:27 biex spiċċa fil-ħames post tal-klassifika ġenerali tal-Masters 2. Pożizjoni warajh fl-istess kategorija spiċċa Mark Anthony Zammit f’ħin total ta’ 04:23:19. Etienne Bonello minn naħa tiegħu spiċċa fil-ħames post tal-klassifika ġenerali tal-kategorija Masters 3 b’ħin total ta’ 04:23:01.