Tmiem il-ġimgħa li għadda ġab miegħu suċċess għall-ewwel avveniment tal-International Food Festival – Gozo Edition.
Seba’ kċejjen internazzjonali ħejjew xejn inqas minn 50 platt differenti li żgur laqtu l-gosti ta’ kull min attenda għal dan l-avveniment li sar għall-ewwel darba f’Għawdex. Hu stmat li mas-sitt elef persuna attendiet għal dan il-festival li ġie organizzat fil-misraħ ewlieni tax-Xewkija.
F’atmosfera ta’ festa, akkumpanjata minn mużika folkloristika kif ukoll bands u kantanti lokali, il-pubbliku ta’ eluf ta’ Għawdxin, Maltin, u barranin seta’ jgawdi dan l-avveniment f’ambjent sigur, nadif u rilassanti.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana rrimarkat kif hu l-impenn tal-Gvern Ċentrali li jiġu organizzati attivitajiet kulturali varjati f’Għawdex matul is-sena kollha. Hija saħqet fuq il-ħtieġa li avvenimenti ta’ din ix-xorta jsibu ruħhom fil-kalendarju kulturali tal-gżira Għawdxija sabiex jiġu attirati aktar turisti lejn Għawdex. “L-attendenza hekk numeruża tagħtina spinta biex norganizzaw aktar u nkomplu ntejbu u nvarjaw il-prodott li noffru, li jkun ta’ kwalità u li nkomplu nkunu konsistenti f’dan il-qasam,” qalet Justyne Caruana.
Il-Ministru Caruana żiedet tgħid li flimkien ma’ dipartimenti u entitajiet oħra tfassal programm ta’ attivitajiet varji li se jsiru matul is-sena li ġejja. “Il-Ministeru għal Għawdex impenjat bis-sħiħ li joħroġ il-potenzjal kollu tal-Għawdxin biex jesponi u jiċċelebra dak li joffri Għawdex, mill-ġmiel naturali sar-rikkezza kulturali u folkloristika tiegħu”, qalet il-Ministru Justyne Caruana.